Ryan Callus, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal fil-parlament li fil-budget m’hemmx investiment neċessarji fl-innovazzjoni u r-riċerka
Meta kien qed jitkellem dwar l-Estimi tal-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, Ryan Callus qal li dan hu dibattitu ta’ estimi ta’ ministeru ġdid li nħoloq wara li ġew spezzettati ministeri oħrajn.
F’Jannar saret il-ħatra ta’ kabinet ġdid iffurmat mill-Prim Ministru li kien tentattiv biex jinħallu mit-tebgħat tal-kabinet ta’ qabel. Kellu jkun l-aqwa kabinet, iżda anke Joseph Muscat kien qal li tiegħu kien l-aqwa Jekk dan kien l-aqwa, għaliex iżżarma wara 11-il xahar? Din hi konferma kemm il-politika ta’ Robert Abela falliet.
Ryan Callus sostna li dinhi kutrumbajsa sħiħa u sitwazzjoni li qatt ma ġrat fl-istorja tal-parlament fejn iddibattejna l-estimi tal-ministeri kollha u issa qed nerġghu niddibattu estimi ġodda ta’ ministeru li nħoloq ġdid għax indunajna li dan il-ministeru ġdid li nħoloq ma kienx allokat vot; jiġifieri m’għandhux flus biex jopera.
Dan juri li dan hu Gvern bla pjan; bħaċ-Chairman tal-FIAU – l-ewwel ħtarnih imbagħad indunajna li kellu jiġi approvat mill-Kumitat tal-Ħatriet tal-Parlament; tgħaffiġa tal-eks Ministru Edward Scicluna, li issa ngħata french promotion għall-Bank Ċentrali, biex ħloqna spazju għal persuna viċin ħafna tal-Prim Ministru, li kienet iċ-chief of staff tiegħu li f’perjodu qasir, kien magħżul biex iddaħħal fil-parlament u maħtur Ministru tal-Finanzi.
Ħloqna ministeri li lanqas kienu jeżistu, l-Prim Ministru ivvinta ministeru ġdid biex issa għandna l-akbar kabinet fl-istorja – meta ħsibna li ta’ Muscat kien l-ikbar, jigġi ta’ warajh u jkun iktar.
Iċ-ċajta hi li Malta l-iżgħar stat membru tal-UE u għandha t-tielet l-ikbar Kabinet – ikbar minn tal-Ġermanja l-iktar stat membru tal-UE bi 83 miljun u daqs tal-Polonja b’37 miljun. M’għandhux ikollok kabinett żgħir, iżda li kważi d-deputati kollha tal-Gvern jinsabu fil-Kabinet hija farsa; ghax ħlief l-Oppożizzjoni ma fadal ħadd li jiskrutinja lill-Gvern.
Dan għax il-Prim Ministru għandu l-ġlied u l-problemi fil-grupp parlamentari u biex iżomm in-nies kuntenti jiġi jaqa’ u jqum mill-kaxxa ta’ Malta
Hu qal li dan hu falliment tal-kabinett li ħatru f’Jannar li għadda; il-Prim Ministru mhux kapaċi jagħżel tim li jibqgħalu hemm; dan jikkontribwixxi għall-instabbiltà fil-pajjiż. Fl-istess ħin, hija konferma kemm din in-naħa mhijiex negattiva meta kkritikat in-nuqqasijiet serji li seħħew matul din is-sena f’diversi setturi – enerġija, anzjani, turiżmu, edukazzjoni u oħrajn.
Il-Kabinett ta’ Robert Abela jiswa’ €1.5 miljun fis-sena u l-Università ta’ Malta ingħatat €1.2 miljun għar-riċerka. X’faqar ta’ politika! Il-politika u l-aptit tal-Gvern għar-riċerka hu farsa oħra. L-ispiza tal-Gvern għar-riċerka u l-iżvilupp ma tantx żdiedet mill-2008 u l-2017; qiegħda madwar 0.6% tal-Prodott Domestiku Gross – suppost kellna nilħqu it-2% din is-sena.
Biex nilhqu din il-mira, irridu nittripplaw u iktar l-ispiza li ghandna llum. Il-medja Ewropeja tinsab 2% meta suppost qiegħda 3%. Ninsabu ‘l bogħod mill-medja.
Ryna Callus kompla li hemm il-fondi tal-UE li jagħtu ftit imbuttatura oħra. Mur ġibna ma dħalniex fl-UE Ewropeaa kif xtaq il-PL! Il-programm Horizon 2020 fetħilna l-aċċess għal €80 biljun mill-2014 sal-2020 u €100 biljun għall- programm ta’ wara Horizon Europe mill-2021 sa 2027.
Sena ilu waqqafna l-istrateġija għall-Intelliġenza Artifijcali iżda l-uniku skema kienet il-Business Re-Engineering Scheme ta’ €2.5M biex in-negozji jirristrutturaw l-operat minħabba r-realtà ġdida tal-Covid 19 u seħħet grazzi għall-Kamra tal-Kummerċ.
Dan hu l-mod kif se nirrivoluzzjonaw il-kumpaniji biex nippreparawhom għat-teknoloġija tal-ġejjieni? X’inhu jagħmel il-Gvern biex il-mechanics lokali jadattaw l-operat taghhom minhabba s-suq tal-karozzi elettriċi. Id-dedika ta’ €2.5 miljun ghall-addattazzjoni hija tajba imma fqira. Il-Covid 19 ġabitna f’sensina u kienet opportunità biex niġġeneraw ruħna, nirristrutturaw u nippreparaw biex nikkompetu f’suq globali ġdid, b’realtajiet ġodda li ma kienux jeżistu qabel. Ejja ma nitilfux din l-opportunità.
//= $special ?>