Internazzjonali

Stati Uniti: Aktar sinjali favorevoli għal Biden…bit-tamiet għal Trump jonqsu

Kollox jindika li l-Istati Uniti qed tħejji għal era ġdida taħt it-tmexxija tal-President-elett Joe Biden u  minkejja li l-President Amerikan Donald Trump għadu ma ammettiex li tilef l-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru.

Intant, il-President tar-Russja, Vladimir Putin, il-President tal-Brażil Jair Bolsonaro u l-Mexxej tal-Messiku, Andres Manuel Lopez Obrador kollha bagħtu messaġġi ta’ kongratulazzoni lil Biden wara li l-Kulleġġ Elettorali tal-Istati Uniti kkonferma r-rebħa tal-kandidat Demokratiku.

Il-messaġġi ngħataw ġimgħat wara li l-osservaturi kkummentaw dwar il-fatt li l-istess mexxejja kienu baqgħu lura milli jikkommettu ruħhom b’dan il-mod.

Jerġa’ aktar sinifikattiv kien il-ġest ta’ Mitch McConnell, membru ewlieni tal-Partit Repubblikan ta’ Trump u l-Kap tal-maġġoranza fis-Senat Amerikan, li feraħ lil Biden għar-rebħa.

McConnell kien meqjus bħala l-alleat numru wieħed ta’ Trump u l-Presidenza ġdida tal-pajjiż se tiddependi ħafna mir-relazzjonijiet ta’ Biden mas-Senat, li fil-preżent hu kontrollat mir-Repubblikani.

Sadanittant, il-President-elett tal-Istati Uniti għażel lil Pete Buttigieg — il-kandidat ta’ nisel Malti li ikkuntesta għan-nomina tal-Partit Demokratiku fl-isfida għall-White House —  bħala s-Segretarju Amerikan ġdid tat-Trasport.  Buttigieg hu l-eks sindku ta’ South Bend u l-profil politiku tiegħu b’hekk qed ikompli jikber fuq bażi nazzjonali.