Lokali

Tibdil fil-pjanti tal-proġett tad-db

Il-Grupp db iddeċieda li jnaqqas bin-nofs l-għoli tat-torri propost ghall-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, hekk kif issa l-binja se tinqasam f’żewġ torrijiet ta’ 17-il sular minflok wieħed ta’ 31.

Il-lukanda se tkun għolja 12-il sular, bil-Grupp jghid li dan qed isir minkejja li huma m’għandhom l-ebda obbligu legali.

Il-proġett ta’ 300 miljun ewro kien propost bl-aħħar pjanti ta’ żvilupp fis-6 ta’ Diċembru, dan ifisser li l-proġett tas-City Centre se jkun qed jara lukanda, għadd binjiet residenzjali u kumpless tax-xiri fuq is-sit li qabel kien okkupat mill-ITS.

Għal dan il-proġett kien hemm mas-6,000 oġġezzjoni, fosthom mill-NGO’s, għaqdiet ambjentali, residenti u l-Kunsilli Lokali tal-madwar. Din hija t-tieni darba li kien hemm emendi fil-pjanti ta’ dan il-proġett. Il-proġett oriġinali kellu l-permess annullat mill-Qorti s-sena li għaddiet wara li sar maghruf li membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, kien involut fis-suq tal-bejgħ tal-propjetà u kellu kunflitt ta’ interess.