L-awtoritajiet Maltin, li qed jinvestigaw il-kumpanija 17 Black, jistgħu jagħmlu progress issa li l-Emirati Għarab Magħquda għaddiet il-provi b’mod uffiċjali. Dan hu żvilupp importanti u kruċjali fl-investigazzjoni marbuta mal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa jinsab infurmat li din l-informazzjoni ngħatat lill-Ambaxxata ta’ Malta f’Dubai fit-22 ta’ Novembru 2020. Sa issa, l-awtoritajiet Maltin ma qalu xejn dwar dan l-iżvilupp importanti.
“Aktar minn sentejn ilu, ġurnalisti investigattivi kixfu li s-sid tal-kumpanija sigrieta bbażata f’Dubai, 17 Black, kien wieħed mill-azzjonisti tal-Power Station ta’ Malta, u li kien ippjanat li jxaħħam lil persuni fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti. Minkejja li kien hemm provi ċari ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus, l-awtoritajiet Maltin dejjem waħħlu n-nuqqas ta’ progress fil-prosekuzzjonijiet fuq ‘in-nuqqas ta’ koperazzjoni minn Dubai’. Matul l-aħħar sentejn, jien żidt l-isforzi tiegħi biex nagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Emirati Għarab Magħquda.”
“Issa nista’ nikkonferma li l-informazzjoni mitluba għaddiet. Dan ifisser li l-awtoritajiet Maltin ma baqgħalhom ebda skuża biex jorqdu fuq l-investigazzjoni. Jien nistenna li dawn involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus marbuta ma’ 17 Black jitressqu quddiem il-ġustizzja b’mod immedjat,” insista David Casa, li hu membru tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mal-Peniżola Għarbija.
Email li ġiet ippubblikata minn ġurnalisti investigattivi kienet kixfet kif il-kumpaniji tal-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi kellhom jirċievu €5,000 kuljum kull wieħed minn 17 Black, jiġifieri mill-azzjonijiet tal-Power Station, li issa qed ikun akkużat li hu l-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li kien jaf b’kollox dwar ir-relazzjoni ta’ negozju bejn iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u Yorgen Fenech, permezz ta’ 17 Black.
“L-impunità b’rabta mal-korruzzjoni marbuta ma’ 17 Black kellha konsegwenzi serji fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta, li ħalliet impatt fuq is-settur finanzjarju u l-għixien ta’ dawk li jiddependu fuqu. Jien nistenna li tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli,” tenna l-Kwestur Casa.
//= $special ?>