Lokali

Fast Ferry Catamaran ġdid għal Sqallija

Ponte Ferries għadhom kemm ħabbru servizz ta’ fast ferry catamaran ġdid għal Sqallija mis-sajf li ġej. Is-servizz se jingħata permezz ta’ catamaran ta’ 96 metru u ta’ veloċita qawwija li se jkun jista’ jġorr kemm passiġġieri, kif ukoll vetturi u merkanzija.

Is-servizz se jopera kuljum bejn Malta u Augusta, daqs tletin minuta bogħod minn Catania, u se jkun qed joffri alternattiva u kompetizzjoni bħala t-tieni operatur f’dan is-suq.

L-HMS Artemis mistenni jidħol fil-Port il-Kbir fil-jiem li ġejjin, fejn se jkun qed isirlu xogħol ta’ tisbieħ kif ukoll ta’ titjib fis-sistemi tekmoloġiċi u fil-faċilitajiet. Il-vapur mistenni jkollu club class lounge fost faċilitajiet oħra.

L-Artemis, li huwa rreġistrat Malta u huwa konformi mar-regoli internazzjonali għas-sigurtà u n-navigazzjoni għandu jkun lest biex jibda jopera fis-sajf.

Il-kumpanija marittima Fred Olsen kienet responsabbli għal xogħol li għadu kemm sar fuq il-catamaran, li sa ftit ilu kien jopera fil-Gżejjer Kanarji.

Il-kumpaniija Ponte Ferries, li se tkun qed topera dan is-servizz qalet li jinsabu eċitati u determinati li joffru għażlu kummerċjali u anke turistika għal Sqallija. Il-kumpanija qalet li ilha tagħmel riċerka f’dan is-suq u sabu dak li tixtieq in-nies.

Ponte Ferries huwa proġett bejn Magro Brothers Investments Ltd u Merill Invest Ltd tal-aħwa Michael u Julian Zammit Tabona kif ukoll tan-negozjanti Mario u Fabio Muscat.

Il-catamaran jesa’ 717-il passiġier u 245 karozza jew 15-il trailer u 180 karozza.