Lokali

Ftehim għal riċerka mill-Università ta’ Malta

Il-Fondazzjoni Save A Life se tkun qiegħda tiffinanzja riċerka intensiva mill-Fakulta’ tat-tisħiħ Soċjali fl-Universita’ ta’ Malta intiża biex tistudja fid-dettal is-sitwazzjoni tal-abbuż mid-droga f’pajjiżna b’enfażi partikolari fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Din ir-riċerka qed titmexxa min tim ta’ riċerkaturi u akkademiċi fi ħdan il-Fakulta’ bi speċjaliżazzjoni fil-qasam soċjali.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Membru Parlamentari Claudio Grech qal li l-istudju li ser joħroġ minn din ir-riċerka ser jgħin lil kull min huwa involut fil-ħidma kontra l-abbuż tad-droga jifhem aktar x’inhuma x-xejriet l-aktar prevalenti fejn jidħol l-użu ta’ sustanzi miż-żgħażagħ f’pajjiżna.

Il-Fondazzjoni Save a Life twaqqfet mid-Deputat Claudio Grech u martu u fiha investa l-onorarja kollha li jirċievi mill-Parlament.

Matul dawn l-aħħar seba’ snin kemm ilha stabbilita l-Fondazzjoni, Grech ikkontribwixxa €160,000 mill-paga Parlamentari tiegħu biex twettqet ħidma fuq għaxar proġetti differenti mifruxa fuq numru ta’ lokalitajiet.

Id-Dekan tal-Fakulta’ għat-Tisħiħ tas-Soċjeta’, il-Professur Andrew Azzopardi, qal li bħala Fakulta’, il-missjoni tagħha hi li tirrispondi għal kwistjonijiet li jqumu fis-soċjeta’

Hu rringrazzja lid-Deputat Claudio Grech li għażel li ir-riċerka issir minn din il-Fakulta’, li hi benefiċjarja tal-fondazzjoni.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll ir-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella. Hu esprima s-sodisfazzjon li din il-fakulta’, li twaqqfet bl-amalgamazzjoni ta’ Dipartimenti eżistenti u oħrajn ġodda, qed tkun fuq quddiem nett fil-missjoni ta’ outreach tal-Universita’ ta’ Malta.