Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirrifjuta talba għar-riżenja

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri rrifjuta t-talba għar-riżenja mill-Ministeru tal-Edukazzjoni wara skambju imqanqal bejnu u Juliette Galea, waħda mill-avukati li qed tirrappreżenta lil Yorgen Fenech.

Camilleri kien ħareġ kontra dak li sejjaħ bħala indħil mill-Gvern li qed jipprova jwaqqaf l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qabel ma’ tlesti xogħolha u l-Gvern għandu jħalliha tkompli għaddejja ladarba m’għandux x’jaħbi.

Dan wassal biex l-avukat Galea kitbet lil Camilleri fuq Messenger biex jara l-ittra mibgħuta mit-tim legali ta’ Yorgen Fenech. B’Mark Camilleri jwieġeb lil Galea b’lingwaġġ kulurit, liema skambju, Camilleri ippubblikah fuq Facebook.

Facebook niżżel il-kontenut ta’ din iċ-chat, iżda Mark Camilleri ippubblika screenshots fuq il-blog personali.

Kien hawnhekk li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri kiteb lil Camilleri u qallu li kontenut “m’hu xejn eżemplari u ta’ ġieħ lis-settur pubbliku u edukattiv” u talbu jqis il-pożizzjoni tiegħu fil-Kunsill tal-Ktieb, u jirriżenja minnufih – mossa li ġiet interpretata bħal mod li bih il-Gvern itajjarlu rasu.

Camilleri irrifjuta u minflok sejjaħ il-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba u l-Pubblikaturi sabiex jikkonfermawh fil-kariga. Fi stqarrija, Mark Camilleri qal li l-iskambju inbeda mill-avukat Galea minn jeddha. Hu ammetta li intuża kliem iebes u ma jiddispjaċieh xejn minn dan.

“Nemmen li l-awturi u l-pubblikaturi għandhom dritt jiddeċiedu huma min hu tajjeb biżżejjed biex imexxi l-interessi taghhom, allura qed nitlobkom biex tivvutaw fil-Kungress b’mod uffiċjali”, tenna Camilleri.

Hu stieden li dawk li jaħsbu li għandhom il-kompetenza biex imexxu l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex jersqu ‘l quddiem u jitfgħu in-nomina tagħhom.

“Iridu jkeċċuh bl-iskuża tal-lingwaġġ għax ma jaqbilx mal-Gvern” – Repubblika

Sadanittant, fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li din il-mossa tal-Gvern saret minħabba li Mark Camilleri esprima l-fehma li l-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hi xi ħaġa tajba u meħtieġa.

Fi żmien 24 siegħa minn meta esprima din il-fehma, il-Gvern keċċieh. Dan bl-iskuża li Mark Camilleri uża kliem kulurit meta esprima rabja għall-indħil u l-bullying minn Yorgen Fenech, akkużat li qatel lil Daphne Caruana Galizia.

Repubblika sostniet li l-Gvern qatt ma keċċa lil nies bħal Jason Micallef, Glenn Bedingfield, Josef Caruana, Neville Gafà, Tony Zarb u ħafna oħrajn li użaw kliem offensiv, insolenti, pastaż u kattiv kontra nies li kkritikaw il-gvern. Il-Gvern iddefenda l-aġir inaċettabbli ta’ dawn in-nies meta kienu f’kariga pubblika għax qal li anke l-uffiċjali pubbliċi jgawdu mil-libertà tal-espressjoni.

Hu ċar li għall-Gvern kulħadd hu liberu li jaqbel miegħu u li jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. Iżda fehma kuntrarja, tfisser tkeċċijja.