Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri jiddeċiedi li jwieġeb billi ma jweġibx

Il-Gvern mhux jghid jekk hux ser ikun qed jagħti widen għall-konklużjonijiet u wisq aktar ir-rakkomandazzjonijiet li ser ikun qed jagħtih il-bord maħtur biex imexxi l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi minn Net News jekk hux ser ikun qed jilqa’ l-konklużjonijiet li ser tkun qed tagħmel l-inkjesta, u jekk il-Gvern Laburista hux ser jaħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet mgħotija lilu, il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, għażel li jwieġeb billi ma jweġibx.

Dan il-kumment huwa riflessjoni identitika ta’ dak li wieġeb lill-ġurnalisti l-Prim Ministru Robert Abela tul il-jum tal-Erbgħa meta saħaq li wieħed ghandu jara meta jkun lest ir-rapport – mingħajr ma kkommetta ruħu li ser ikun qed jirrispetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta.

Dan kollu wara li nhar it-Tnejn, il-bord li qed imexxi l-inkjesta pubblika ddeċieda li jestendi t-terminu  b’mod indefinit minħabba l-fatt li kellhom bżonn aktar ħin biexjikkonkludu xogħolhom.

F’isem il-bord, l-Imħallef Michael Mallia, kien diġà spjega li t-tfittxija għall-verità m’għandha qatt tkun suġġett għal termini u kundizzjonijiet – dan sabiex issir ġustizzja vera.

B’reazzjoni għal dan kollu, il-Gvern ħareġ stqarrija 24 siegħa wara jisħaq li l-bord għandu jerfa’ r-responsabbilità ta’ dak deċiż minnu.

Intant, fl-istess konferenza li saret f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Ministru Byron Camilleri saħaq li mill-2013 ‘il quddiem 25% tal-imwiet fil-habs ma kienux konsegwenza ta’ kawżi naturali filwaqt li insista li kemm ilu Ministru responsabbli fost oħrajn mill-ħabs, tilfu ħajjithom fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin 4 persuni – fejn ta’ x’jifhem li każ minnhom ma kienx ikkawżat minn kawżi naturali u li l-inkjesta għadha għaddejja.