Internazzjonali

Lockerbie: Se jitressqu l-akkużi kontra suspettat ġdid

L-istampa tal-Istati Uniti qalet li dan il-pajjiż dalwaqt għandu jressaq l-akkużi kontra Libjan li hu suspettat b’li produċa l-bomba li qerdet l-ajruplan tal-Pan Am fuq Lockerbie, fl-Iskozja, f’Diċembru tal-1988.

Fl-isplużjoni kienu mietu 270 persuna li l-parti kbira tagħhom kienu ċittadini Amerikani li kienu qed jivvjaġġaw minn Londra għal New York. Dan kien ukoll l-aktar inċident terrorista qattiel li qatt seħħ fit-territorju tar-Renju Unit.

Ir-rapporti qalu li l-prosekuturi ‘kellhom jinsistu dalwaqt’ għall-estradizzjoni tal-Libjan, Abu Agila Mohammad Masud, biex jgħaddi minn proċess tal-qorti fl-Istati Uniti.

Rapport tal-Wall Street Journal qal li Masud – li allegatament kien jagħmel il-bombi għall-eks dittatur Libjan Muammar Gaddafi — qed jinżamm taħt arrest fil-Libja, iżda dan ma kienx ikkonfermat mill-awtoritajiet Libjani.

L-eks aġent tas-servizzi sigrieti Libjani, Abdelbaset al-Megrahi, hu l-uniku raġel li spiċċa kundannat dwar Lockerbie. Il-kundanna tiegħu kienet ikkonfermata fl-2001 iżda Megrahi, fl-2009, inħeles mill-ħabs fl-Iskozja u ngħata l-permess biex jirritorna l-Libja wara li sar magħruf li hu kien qed ibati minn kanċer terminali.

Al-Megrahi miet fil-Libja tliet snin wara u issa qorti fl-Iskozja qed tikkunsidra appell li ressqet il-familja tiegħu bil-għan li titneħħielu l-kundana wara mewtu.