Lokali Qorti

Multa ta’ €20,000 u sentenza sospiża wara li ħaqar 23 kelb

Raġel residenti l-Ħamrun ġie mmultat €20,000 u kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati ta’ moħqrija tal-anninali, f’dan il-każ 23 kelb.

Huwa nstab ħati li wettaq dan ir-reat fis-7 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra u fiż-żminijiet ta’ qabel f’residenza fil-Ħamrun Lewis Pace instab ħati li ġiegħel lill-klieb isofru minn uġiegħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn u li ma pprovdiex kenn xieraq komdu u kbir biżżejjed lill-klieb imsemmija. Instab ħati wkoll li naqas li jiċċippja lil dawn il-klieb b’mod elettroniku.

Fi spezzjoni fi propjetà privata li għamel fil-Ħamrun id-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali kien ġabar 23 kelb, li sebgħa minnhom kienu għadhom ġriewi. L-ispezzjoni kienet saret fuq telefonata anonima.

Dawn il-klieb kienu miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena. Dan għaliex kienu miżmumin f’kundizzjonijiet ta’ gaġeġ żdingati, msaddin u ta’ daqs żgħir.
Il-klieb ma kienux provduti ikel. Huma kienu qed ibatu minn diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa, fosthom problemi fil-ġilda, kif ukoll f’għajnenjhom.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħet diversi xhieda fosthom li jinkludu Pulizija, uffiċjali tal-Annimal Welfare u veterinarji. Irriżulta li meta ġew sekwestrati l-annimali, dawn ittieħdu direttament l-isptar l-APH, fejn sarulhom testijiet mediċi.

Ħafna minnhom kien hemm bżonn li jsirilhom intervent kirurġiku, speċjalment kien hemm minnhom li kienu tqal, kif ukoll kien hemm minnhom li kellhom problemi kroniċi ta’ saħħa, speċjalment fis-snien.

Kien hemm oħrajn li kellhom problemi tal-ġilda, u li kellhom jingħataw il-mediċini u li jiġu segwiti. Diversi kienu l-klieb ta’ eta varja li tħallew jgħixu f’kundizzjonijiet mhux aċċettabbli. Ġie ppruvat ukoll li l-ebda wieħed mill-klieb ma ġie identifkat elettronikament.

Kienu 16-il kelb li ma kienux iċċippjati u l-oħrajn li ma kienux kienu għadhom żgħar. Il-Liġi dwar it-Trattament Xieraq tal-annimali, tipprovdi li l-ebda annimal ma għand jinħaqar jew li jsofri dwejjaq bla bżonn. L-ebda annimal m’għandu jiġi abbandunat.

Kull min irabbi l-annimali għandu jkun responsabbli għat-trattament xieraq tagħhom. Fil-każ ta’ Pace ġie ppruvat kif dawn il-klieb kellhom bżonn kura immedjata u li bil-kundizzjonijiet li kellhom kellha tingħata kura veterinarja.

Dawn kellhom problemi fis-snien għax qatt ma ngħataw kura għalihom u kienu qed ibatu biex jieklu. Irriżulta wkoll li Pace baqa’ jgħammar kelba li spiċċat bl-utru marid, biex ikompli jisfruttaha u tagħtih il-ġriewi.

Pace kien konxju mill-għemil tiegħu u ħalla lill-klieb mimlija ħmieġ tal-istess annimali li kien nieda negozju minnhom. Diversi kienu dawk ix-xhieda li spjegaw in-nuqqas ta’ ndafa fuq il-klieb li kawża tal-infezzjoni w parasiti tilfu l-pil. Il-klieb kellhom il-pil taghhom mimli dud, mgħaqqad bil-ħmieġ filwaqt li tħallew bi dwiefer twal iżżejjed.

Dawn il-kundizzjonijiet qalet il-Qorti, bl-ebda sforz tal-immaġinazzjoni, ma jistgħu jammontaw għal ambjent xieraq, lok adatt sabiex l-annimal jesprimi ruħu jew għall-akkomodazzjoni xierqa. Kien hemm ukoll ġriewi tħallew f’kaxxa miftuħa u b’hekk f’ħalq klieb ferm akbar li kienu qed jiġġerrew mad-dar bil-ħmieġ imwaħħal magħhom;

Il-ħmieġ kien mifrux mad-dar kollha, inkluż mal-ħitan u li tħallew f’gaġġeġ tal-fniek fejn l-attenzjoni veterinarja li kienu jinħtieġu giet mċaħħda lilhom. Kull ma kien jinteressah Pace, ma kienx l-interess tal-klieb li jgħixu f’ambjent nadif, fejn lilhom kienet tingħata kura f’waqtha. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Matthew Galea.