Qed terġa’ tirranka t-tensjoni bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan – bl-Armeni qed jipprotestaw dwar rapporti li talanqas 100 suldat minn tagħhom spiċċaw maħtufa waqt rejd mill-qawwiet Ażeri fl-inħawi ta’ Nagorno-Karabakh li huma kontrollati mill-Armenja.
Is-sitwazzjoni qed tidher inkwetanti wara li, ix-xahar li għadda, ikkonkludiet il-gwerra ta’ sitt ġimgħat bejn il-qawwiet Armeni u Ażeri u li swiet il-ħajja ta’ mill-anqas 5,000 membri tas-servizzi militari. Il-gwerra ntemmet wara l-intervent diplomatiku tar-Russja, bil-qawwiet tal-Ażerbajġan jieħdu lura diversi zoni li kienu tilfu fir-reġjun polemikuż ta’ Nagorno-Karabakh.
Intant, il-Ministeru tad-Difiża ta’ Nagorno-Karabakh ( ikkontrollat mill-Armeni-etniċi) qal li, aktar kmieni fil-ġimgħa, intilef il-kuntatt mas-suldati li kienu qed jokkupaw diversi pożizzjonijiet militari. L-Ażerbajġan ma kkummentax dwar il-ħtif irrappurtat tas-suldati, bl-Armeni u l-Armeni-etniċi joħorġu jipprotestaw dwar l-aħħar żviluppi f’pajjiżhom u f’Nagorno-Karabakh.
Jidher li l-aħħar konfront bejn il-qawwiet Armeni u Ażeri kellu jseħħ f’waħda miz-zoni li għadha kemm waqgħet f’idejn il-militar tal-Ażerbajġan.
Fl-istess ħin, qed ikun allegat li numru ta’ suldati Armeni li spiċċaw priġuniera fl-aħħar inċident dehru fuq numru ta’ filmati li qed jiċċirkulaw fuq il-media soċjali tal-Ażerbajġan.
Sadanittant, żdiedet ir-rabja fost l-Armeni li qed jinsistu li jsiru jafu aktar dettalji. Dan meta d-dimostranti Armeni, fl-aħħar sigħat, mexxew il-protesti quddiem il-Ministeru tad-Difiża f’Yerevan u fejn insistew biex isiru jafu ‘il-verità’.
Filwaqt li mhux ċar in-numru eżatt tas-suldati maħtufa, mhux eskluż li dawn jistgħu jvarjaw minn 60 sa 160 – fost allegazzjonijiet li huma nħatfu ‘bħala parti minn azzjoni kontra t-terroriżmu mmexxija mill-Ażerbajġan’. Intant, l-awtoritajiet Ażeri f’Baku ma jidhrux lesti li jiddiskutu l-iżviluppi f’Nagorno-Karabakh mal-entitajiet tal-media barranin.
//= $special ?>