Futbol Sport

St.Andrew’s jikkwalifikaw b’gowl kmieni ta’ Cassar Torregiani

(Ritratt: Martin Agius)

Chris Cassar


ST. ANDREW’S …………. 1

ŻURRIEQ …………………. 0

St. Andrew’s: S. Spiteri, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, L. Grech, J. Farrugia, R. Micallef, M. Bartolo, S. Cassar Torregiani, J. Sixsmith, Z. Muscat, S. Agius.

Żurrieq: L. Schembri, M. Bonnici, G. Cauchi, L. Bugeja, N. Zammit, R. Farrugia, A. Cutajar, A. Caruana, D. Debono, E. Pietribiasi, J. Farrugia.

Referee: Malcolm Spiteri

Gowl wara kwarrta skorjat minn Cassar Torregiani kien biżżejjed biex St. Andrew’s għaddew għar-rawnd li jmiss. Is-Saints kien jimmerithom is-suċċess u l-kwalifikazzjoni għax kienu l-aħjar tim tul id-90 minuta iżda mertu jrid imur ukoll lejn Żurrieq li taw sfida denji lill-avversarji minn kategorija superjuri, u xhieda ta’ dan kien il-fatt li l-iskor baqa’ inċert sat-tmiem.

Fis-seba’ minuta l-ewwel periklu minn St. Andrew’s meta kross-shot mix-xellug ta’ Micallef qarraq bil-goalkeeper ta’ Zurrieq bil-ballun jaħbat mal-mimduda. Żewġ minuti wara ċans ieħor tad-deheb meta Cassar Torregiani waħdu kien imċaħħad minn Schmebri.

Risposta ta’ Żurrieq b’azzjoni personali ta’ Pietribiasi u xutt li jaħbat man-naħa ta’ barra tax-xibka. Mal-kwarta logħob St. Andrews fil-vantaġġ b’azzjoni bejn Farrugia u Sixsmith bil-ballun jasal għand Sebastian Cassar Torregiani, li dar mal-goalkeeper u skorja f’lasta vojta.

Minuta qabel l-intervall Zurrieq perikolużi bi freekick ta’ Mauro Bonnici salvat minn Spiteri.Fit-tieni taqsima l-logħba naqset xi ftit mir-ritmu tagħha u l-azzjonijiet taħt il-lasta kemm fuq naħa kif ukoll fuq oħra ma baqgħux ikunu frekwenti.Minkejja li St. Andrew’s baqgħu juru l-aħjar ideat it-tim ta’ Żurrieq baqa’ ma ċediex pulzier u baqa’ jinsisti biex jikseb il-gowl tad-draw sa l-aħħar mumenti tal-logħba.Fl-aħħar ħinijiet St. Andrew’s kellhom fejn jagħlqu l-logħba iżda għal darba darbtejn l-awtur tal-gowl Cassar Torregiani kien imċaħħad  minn saves tajba tal-goalkeeper ta’ Żurrieq.

FA Trophy
It-Tlieta:
 St. George’s v Pembroke A. 1-3 Ilbieraħ: Mqabba v San Ġwann 5-3 Illum: St. Andrews v Żurrieq 1-0, Naxxar L. v Qrendi 2-0