Lokali Qorti

Suspettat dwar qtil meħlus fuq pleġġ ta’ €50,000

Wieħed miż-żewġ żgħażagħ akkużati li qatel raġel u pprova joqtol lill-kuġin tiegħu nħeles fuq pleġġ ta’ €50,000. Owen Schembri, li qed jiċħad l-involviment tiegħu fl-isparatura fatali fl-Imqabba f’Lulju li għadda, ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €35,000 mill-Imħallef Edwina Grima.

Schembri ta’ 18-il sena u suspettat ieħor, Leon Debono ta’ 19-il sena jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-feriment gravi fuq il-kuġin tiegħu Vince Gaffarena. Saviour Gaffarena ta’ 27 sena kien instab mejjet bi sparatura f’rasu fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-Imqabba.

Vince Gaffarena ta’17-il sena ġie sparat f’sidru u f’wiċċu, iżda baqa’ ħaj mill-attakk. Fid-digriet tagħha, l-Imħallef Grima, li tippresjedi l-Qorti Kriminali, tat il-libertà proviżorja lil Schembri wara li kkunsidrat l-istadju avvanzat tal-proċeduri kriminali.

L-ispettur tal-Pulizija Kurt Zahra qal lill-Qorti li kien hemm ċivili li jistgħu jiġu msejħa bħala xhieda jew huma stess akkużati b’ċerti reati. L-Imħallef qieset ukoll il-fatt li Vince Gaffarena kien għażel li ma jixhedx biex ma jinkriminax lilu nnifsu.

Missier Schembri qal lill-Qorti li kien lest li jidħol bħala garanti għal ibnu. Il-kundizzjonijiet tal-pleġġ jinkludu curfew u ordni ta’ superviżjoni proviżorja. Debono ma talabx il-libertà proviżorja u jibqa’ f’kustodja preventiva fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Għal Schembri dehru l-avukati Arthur Azzopardi, Alfred Abela u Rene Darmanin. L-avukati Giannella De Marco u Stephen Tonna Lowell qed jassistu lil Debono.