Sport

TSPN b’ħidma kkordinata biex il-PN ikompli ssaħaħħ il-politika tiegħu fl-iSport

Il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista, qed jistieden lil dawk kollha involuti fil-qasam sportiv, kemm jekk huma atleti, amministraturi, kowċis jew sempliċiment partitarji dilettanti f’dan is-settur, sabiex jersqu ‘l quddiem u jikkontribwixxu fit-tfassil tal-politika sportiva ta’ pajjiżna għall-futur. L-eżekuttiv il-ġdid tal-fergħa tal-isport fi ħdan il-PN, Tim Sport Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem bis-sħiħ biex f’pajjiżna tissaħħaħ il-parteċipazzjoni sportiva f’aktar firxa wiesgħa ta’ dixxiplini sportivi kif ukoll, tiżdied il-professjonalitá sportiva kemm fuq livell ta’ atleti, staff tekniku u amministraturi sportivi, tingħata promożżjoni akbar lejn il-valuri li jsawru l-korrettezza fl-isport, kif ukoll titfassal viżjoni serja u professjonali għall-isport f’pajjiżna, u li fuqha jitfasslu miri importanti bl-objettiv li ngħollu l-livell u l-professjonalitá tagħna f’dan is-settur u fl-isfera internazzjonali.

Dan mhux kollox. Il-PN jemmen li l-isport jikkontribwixxi b’mod pożittivi f’oqsma oħra importanti tal-pajjiżi, inkluż fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, għaldaqstant se jkompli jieħu dan is-settur bl-akbar serjetá.

Stedina għall-iSportivi biex jikkontribwixxu fit-tfassil ta’ strateġija politika-sportiva

Dan kien il-qofol tal-messaġġ taċ-Chairperson il-ġdid ta’ TSPN, Christian Micallef fl-ewwel laqgħa tal-eżekuttiv il-ġdid ta’ din il-fergħa tal-isport fi ħdan il-PN. Micallef tkellem mal-membri eletti ta’ dan l-eżekuttiv dwar il-viżjoni politika sportiva li fuqha se jkun qed jaħdem dan il-kumitat eżekuttiv, bl-għan aħħari ikun li l-PN ikollu l-aħjar strateġija u politika sportiva għal Malta. Sabiex dan l-għan jintlaħaq, il-PN se jkun qed jistieden lill-isportivi kollha, irrelevanti mill-kulur u t-twemmin politiku tagħhom, sabiex jagħtu s-sehem tagħhom f’din il-mixja.

Jitwaqfu sotto-kumitati sportivi għal ħidma effettiva

Ibbażat fuq din il-viżjoni ta’ ħidma, Micallef ħabbar it-twaqqif ta’ numru ta’ sotto-kumitati sportivi, li permezz tagħhom se tkun imfassla l-ħidma ta’ TSPN matul it-terminu ta’ dan il-kumitat eżekuttiv. Dawn is-sotto-kumitat se jitmexxew minn Chairpersons differenti u li ġejjin minn sfera differenti tal-isport lokali, bil-parteċipazzjoni ta’ membri mill-eżekuttiv ta’ TSPN u oħrajn li m’humiex. Permezz ta’ TSPN, il-PN qed jistieden indiviwi li m’għandhom ebda konessjoni politika, iżda li huma entużjasti biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-isport f’pajjiżna, organiżazzjoni ta’ attivitajiet sportivi f’dixxiplini varji, promozzjoni tan-nisa, id-diversita u l-inklużżjoni fl-iSport kif ukoll djalogu wiesgħa li jwassal għat-tfassil ta’ proposti serji dwar l-għajnuna li għandu bżonn l-isport f’Malta wara t-tmiem tal-pandemija.

“Issa aktar minn qatt qabel, din il-fergħa għandha importanza u relevanza akbar la darba għandha rappreżentanza fl-eżekuttiv tal-PN. Dan il-fatt waħdu jpoġġi responsabiltá iżda ukoll obligu, sabiex bħala fergħa tal-iSport f’partit politiku li jaspira li jkun fil-Gvern, inmexxu djalogu wiesgħa mal-familja sportiva lokali u nfasslu strateġija u viżjoni politika għall-iSport,” qal Micallef.

Il-PN iwiegħed Ministeru għall-iSport

Iċ-Chairperson ta’ TSPN, faħħar il-ħidma u x-xogħol li sar mill-kelliema preċidenti tal-PN għall-iSport, waqt li wera l-apprezzament tiegħu lejn id-dedikazzjoni u l-entużjażmu tal-kelliem attwali għall-iSport f’isem il-PN, Robert Cutajar. Ma’ Cutajar, TSPN se jkun qed jaħdem fil-qrib biex nassiguraw l-aqwa politika possibli għall-isport f’Malta.

Micallef irringrazzja lill-membri ta’ TSPN tal-ħin u l-impenn tagħhom, u awgura li din il-ħidma tkun produttiva b’risq it-tkabbir tal-iSport f’Malta. Fl-istess waqt hu fakkar fil-wegħdha li qed jagħmel minn issa l-PN, li jekk ikun fil-Gvern, l-iSport se jkun promoss għall-Ministeru, il-kontra ta’ dak li qed isir illum mill-Gvern tal-ġurnata. Din il-wegħda, skont Micallef, għandha tixpruna lill-eżekuttiv kollu ta’ TSPN sabiex jaħdem b’aktar enerġija u entużjażmu sabiex mill-oppożizzjoni, nibdew nagħmlu d-differenza fl-iSport.