Lokali

“Yorgen Fenech jordna u l-Gvern jagħmel” – Repubblika

It-tkeċċija ta’ Mark Camilleri minn Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb saret minħabba li Mark Camilleri esprima l-fehma li l-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia hi xi ħaġa tajba u meħtieġa.

L-organizzazzjoni Repubblika qalet li fi żmien 24 siegħa minn meta Mark Camilleri esprima din il-fehma il-Gvern keċċieh. Dan bl-iskuża li Mark Camilleri uża kliem kulurit meta esprima rabja għall-indħil u l-bullying minn Yorgen Fenech, akkużat li qatel lil Daphne Caruana Galizia, u li issa qed iqabbad ‘l-avukati tiegħu biex jippruvaw ixaħħmu jew jintimidaw lil kull min jgħid li għandha ssir ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Repubblika qalu li mingħajr ma jidħlu fil-merti tal-kwalitajiet ta’ Mark Camilleri, ir-raġuni għat-tkeċċija tiegħu hi assolutament inaċċettabbli għal diversi raġunijiet.

Fl-istqarrija Repubbliak qalu hekk:

1. Niskantaw kif Justyne Caruana, li diġà kellha tirreżenja minn ministru darb’oħra din is-sena minħabba qrubija mal-persuna akkużata li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, ftit ġranet wara li reġgħet saret ministru, tkeċċi uffiċjal pubbliku għax azzarda jibgħat tixxejjer avukat ta’ Yorgen Fenech li kkuntattjatu bla mistiedna biex tgħajjru minħabba l-fehma tiegħu dwar il-qtil li l-klient tagħha akkużat li wettaq. L-aġir ta’ Justyne Caruana, mhux biss hu tal-għaġeb, imma jqajjem is-suspett li wara li għal ftit Yorgen Fenech tilef alleat fil-Gvern, reġa’ sabha komda.

2. Mark Camilleri diversi drabi fil-passat uża diskors kulurit, u f’xi okkażjonijiet tkellem b’mod li ma jixraqx uffiċjal pubbliku. Il-Gvern fil-fatt ħatar lil Mark Camilleri fil-pożizzjoni li tah preċiżament minħabba l-lingwaġġ li juża u d-determinazzjoni tiegħu li ma jomgħodx kliemu qabel jgħidu. Il-Gvern kien kuntent b’Mark Camilleri u l-istil tiegħu sal-mument fejn Mark Camilleri ikkontradixxa lill-Prim Ministru Robert Abela u qal li l-inkjesta dwar Daphne Caruana Galizia għandha titħalla ssir. Hu ċar għalina li l-Gvern hu indifferenti għall-eżempju li jagħtu l-uffiċjali tiegħu, iżda hu sensittiv ħafna li jkollu uffiċjali li jista’ jkeċċi jgħidu li Daphne ħaqqha l-ġustizzja.

3. Il-Gvern qatt ma keċċa lil nies bħal Jason Micallef, Glenn Bedingfield, Josef Caruana, Neville Gafà, Tony Zarb u ħafna oħrajn li użaw kliem offensiv, insolenti, pastaż u kattiv kontra nies li kkritikaw il-Gvern. Il-Gvern iddefenda l-aġir inaċettabbli ta’ dawn in-nies meta kienu f’kariga pubblika għax qal li anke l-uffiċjali pubbliċi jgawdu mil-libertà tal-espressjoni. Hu ċar li għall-Gvern kulħadd hu liberu li jaqbel miegħu u li jgħajjar lil min ma jaqbilx miegħu. Iżda fehma kuntrarja tfisser tkeċċijja.

4. Il-Gvern qed jgħid li keċċa lil Mark Camilleri għax il-fatt li qal ‘sorm’ jagħmlu persuna li mhix t’eżempju tajjeb. Imma l-Gvern ma keċċiex lil Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, James Piscopo, Joseph Cuschieri u ħafna u ħafna oħrajn minkejja kondotta ferm aktar skandaluża minn ilsien nieqes miz-zokkor.

Finalment, dan hu episodju fejn ikompli jikkonsolida t-twaħħid bejn dak li jrid Yorgen Fenech u dak li jagħmel il-Gvern. Yorgen Fenech qabbad lill-avukat tiegħu thedded lil uffiċjal pubbliku li jitkeċċa jekk jibqa’ jgħid li Daphne għandha tingħata ġustizzja. Il-Gvern kien pront jagħmel dak li ordnalu Yorgen Fenech.

Il-ħakma mafjuża hi soda tassew, temmet tgħid l-istqarrija.