BirdLife Malta ngħaqdet mal-imsieħba minn Franza, il-Greċja, il-Portugall u Spanja fi proġett ġdid biex issir taf aktar u tinvestiga fejn jistgħu jinstabu l-għasafar Garnija u Garnija Balearika, li huma stmati bħala speċi ta’ għasafar tal-baħar endemiċi għall-Mediterran u li jinsabu taħt theddida.
Fi stqarrija, BirdLife Malta spjegat li dan l-istudju jista’ jsir grazzi għall-proġett LIFE PanPuffinus – progett li jlaħħaq it-€3.45 miljun. Mal-għaqda non-governattiva, mistenni jingħaqad ukoll id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, b’kofinanzjament min-naħa tal-Ministeru relatat.
Dan kollu qed isir wara li BirdLife Malta ilha għexieren ta’ snin tmexxi studji xjentifiċi dwar l-għasafar tal-baħar ta’ Malta, biex issa se testendi l-istudji tagħha għal dawn l-għasafar, li jkunu kemm fuq l-art, kif ukoll fil-baħar.
Il-Garnija u l-Garnija Balearika jqattgħu parti kbira minn ħajjithom fuq il-baħar miftuħ u hu rari li jżuru l-art, ħlief matul l-istaġun tal-bejta. Għaldaqstant, matul dan il-proġett, mifrux fuq ħames snin sal-2025, BirdLife Malta se tkompli tibni fuq l-għarfien li kisbet mill-proġetti preċedenti ffinanzjati mill-Programm LIFE tal-Unjoni Ewropea.
Fost l-oħrajn, il-perikli li diġà ġew identifikati u indirizzati, bħat-tniġġis mid-dawl u mill-istorbju, kif ukoll it-tfixkil mill-bniedem fost l-oħrajn bit-turiżmu tal-baħar. Iżda mistennija jkunu indirizzati wkoll problemi ġodda, bħalma hu l-plastik, li jistgħu jolqtu lil dawn iż-żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar fuq skala kbira fl-għexieren ta’ snin li ġejjin.
Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb l-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi li jinsabu fil-periklu, bil-ħidma konġunta bejn il-parteċipanti kollha ħalli jkunu indirizzati dawn l-isfidi. Fuq kollox, il-proġett mistenni jservi ta’ vetrina għal kollaborazzjoni unika bejn l-imsieħba differenti madwar il-Mediterran għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.
//= $special ?>