Lokali Qorti

Eks Supretendent mhux ħati ta’ tixħim

Eks-Suprintendent tal-Pulizija ġie lliberat mill-Maġistrat Monica Vella minn akkużi ta’ tixħim, dik li aċċetta flus biex jipproteġi numru ta’ rġiel li kienu qegħdin jorganizzaw lottu klandestin.

Dan l-uffiċjal tal-Pulizija, tmien snin ilu kien ingħata raġun fuq każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u dan minħabba li ma kellux aċċess għal avukat meta kien qed jiġi nterrogat.

Patrick Spiteri, ta’ 63 sena mill-Fgura, ma nstabx ħati li kien aċċetta aktar minn €200 fix-xahar fuq perjodu ta’ aktar minn sitt snin mingħand erbgħa irġiel, li huwa jinforma minn qabel fuq rejds li kienu se jsiru fuqhom mill-Pulizija minn qabel u li ta’ dan huwa kien jieħu xi flus.

Il-Qorti qalet li ma hemm l-ebda prova li Spiteri ħa xi flus u xhud prinċipali fil-każ li kien jgħid lil dawk li kienu jagħmlu lottu klandestin li kien qed jirranġa hu ma’ Spiteri, ma kienx kredibbli, u wara spiċċa interrogat u mplikat fil-każ, bix-xhieda tiegħu tiġi ddikjarata mill-Qorti bħala innamessibbli.

Patrick Spiteri kien irriżenja mill-korp tal-Pulizija meta ġie arrestat f’Ġunju 2006, wara 27 sena ta’ servizz. Huwa ma nstabx ħati li aċċetta tixħim biex jeżerċita l-influwenza tiegħu fuq deċiżjonijiet meħuda mill-pulizija bejn l-2000 u l-2006.

Huwa lanqas ma nstab ħati li  wettaq abbuż mill-awtorità tiegħu, żvela sigrieti uffiċjali u wettaq reati li meta xogħolu kien li jara li dawn ir-reati ma jseħħux.

F’dan il-każ kienu xehedu l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, dak li kien deputat Kummissarju Joe Cachia, l-Assistent Kummissarju Michael Cassar u l-Ispetturi tal-Pulizija Angelo Gafa, illum Kummissarju, u Ian Abdilla, illum Asssitent Kummissarju.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li bl-ebda mod ma jirriżulta li Patrick Spiteri esiġa li jitħallas il-flus minnghand erbgha minn nies. Izda kien ċertu Gejtu Zerafa li kien esiġa l-flus li jieħu flus minn ghandhom, tant illi huma xehdu li Spiteri qatt ma talabhom flus.

Mhux biss iżda xehdu wkoll illi l-flus kienu jagħadduhom lil persujna oħra u bħala fatt ma jafux jekk dan kienx jghaddi l-flus lill-eks uffiċjal tal-Pulizija.

Il-Qorti qalet ukoll li ma tistax tinstab htija fl-imputat f’dan ir-rigward. L-Istqarrija ta’ Spiteri li l-Qorti ikkunsidrat ukoll żewg sentenzi li kienu esebiti li fil-konfront tal-imputat fir-rigward tar-rikorsi kostituzzjonali.

Minkejja s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2013, fejn dik il-Qorti kienet iddikjarat li ma kien hemm l-ebda ksur tad-ddrittijiet fundamentali tal-imputat, tqis illi minn dakinhar sal-lum kien hemm diversi żviluppi fuq dan il-punt, liema żviluppi llum huma parti  fil-gurisprudenza tal-Qrati Maltin, u fuq diversi sentenzi tal-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem.

Fir-rigward tax-xhieda mogħtija minn Gejtu Zerafa li kien jieħu l-flus u suppost jgħaddihom lill-imputat, minkejja li dan qal li se jghid il-verità, l-Qorti sabet li x-xhieda tiegħu mhix daqshekk kredibbli.

Qalet li huwa diffiċli li wieħed jemmen li xi hadd jidħol għal biċċa xoghol bħal din ghalxejn, kif qal hu, prattikament għall-inkwiet li ġġib magħha biss.

Ix-xhud qal li huwa kien preżenti meta kull wieħed minn dawn in-nies kien iltaqa’ mal-imputat iżda f’tali laqgħa qatt ma ssemmew kemm kellu jkun il-ħlas.

Minn naħa l-oħra l-imputat fl-istqarrija tiegħu jgħid li hu qatt ma ltaqa’ personalment ma’ dawn in-nies u jekk iltaqa’ kien tkellem waħdu magħhom u ma tkellimx fuq flus.

Zerafa pero kkonferma li kien hu li qal lil dawn in-nies kemm għandhom iħallsu wara li tkellem fuq hekk ma’ Spiteri. Il-Qorti qalet li ma kellhiex il-possibiltà li tara lil dan ix-xhud jixhed, la lil dan u lanqas lix-xhieda l-oħra tal-Prosekuzzjoni jixhdu peress li l-Qorti kif preseduta wirtet dan il-proċess minn għand Qorti oħra u għalhekk ma setgħtx tifli u tikkunsidra l-komportament tax-xhud waqt li kien qiegħed jixhed.

Iżda qrat u reġgħet qrat din ix-xhieda u waslet għall-konklużjoni li wara illi kien dan l-istess xhud li ressaq lil dawn in-nies lill-imputat, nies li jgħid li hu ma kienx jafhom għajr li kellhom banka tal-lottu u l-iehor kien ibiegh il-haxix, u ma ħasibhiex darbtejn biex iwikki kollox fuq spallejn l-imputat.

Il-Qorti qalet ukoll li ssibha diffiċli li tifhem kif skond Zerafa huwa kien jaf lil wieħed minnhom biss bħala li kellu banka tal-Lottu, waqt li lill-ieħor ma kien jafu xejn, setgħu jafdaw lix-xhud li jagħmilha ta’ medjatur bejnhom u bejn l-imputat sabiex jintlaħaq dan l-arranġament.

Il-Qorti hija tal-fehma li biex wiehed jafda lil xi ħadd ieħor b’sitwazzjoni bħal din, irid ikun hemm hafna aktar minn sempliċi konoxxenza bejn iż-żewg partijiet.

Il-Qorti lanqas ma ssib kredibbli li tali medjatur kien se jaċċetta li jagħmel din il-biċċa xogħol għal terz li lanqas biss kien jafu u li kien ressaqulu ċertu Nardu.

Lanqas ma hu kredibbli li dan ix-xhud ma kien qed jieħu xejn għal dak li kien qed jagħmel. Il-Qorti tenniet ukoll li l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova dwar jekk ittieħdux passi kontra dan ix-xhud fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din is-sitwazzjoni u għalhekk il-Qorti hija tal-fehma li din ix-xhieda għandha tigi kunsidrata wkoll minn dak il-lat.

Snin wara li tressaq l-imputat u wara diversi drabi li d-difiża issenjalat dan il-punt il-Prosekuzzjoni ma kienet ħadet l-ebda passi kontra Gejtu Zerafa. Madankollu meta dan tressaq sabiex isirlu l-kontro-eżami, dan ma m’għamlux minħabba illi fil-frattemp kienu ttieħdu proceduri kontrih li kienu għadhom pendenti.

Id-difiza fil-fatt irrilevat illi kienet tinsab fi żvantaġġ minħabba li ma tistax tagħmel kontro-ezami. Il-Qorti qalet li għaldaqstant ix-xhieda ta’ Gejtu Zerafa hija inammissibbli u għaldaqstant Spiteri ġie lliberat. Għalih deher l-Avukat Joe Giglio.