Lokali

Il-Fakultà tal-Benesseri Soċjali tesprimi t-tħassib wara li l-faqar f’pajjiżna kompla jiżdied

Il-Fakultà tal-Benesseri Soċjali fi ħdan l-Università ta’ Malta permezz ta’ stqarrija qalet li huwa ta’ tħassib kbir ir-riżultat li nħareġ mill-istatistika li ħarġet fl-aħħar jiem mill-NAO.

Wara dan ir-riżultat fejn fost l-oħrajn inħareġ li għaxra fil-mija tal-familji f’pajjiżna għandhom problemi ta’ flus minħabba li ma jifilħux iħallsu spiża mhux mistennija, jew isaħħnu djarhom fix-xitwa, jew inkella jħallsu l-kontijiet, il-Fakultà appellat biex l-awtoritajiet jibnu struttura biex il-fqir f’pajjiżna joħroġ mill-faqar.

Il-Professur Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà, fl-istqarrija tenna li filwaqt li huwa rikonoxut l-isforzi li qed isiru mill-awtoritajiet biex din il-problema tkun eliminata dan xorta waħda mhux biżejjed.

Intqal li Malta f’dan il-mument jeħtieġ li fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-pandemija tal-Covid u s-sitwazzjoni ekonomika għandu jkun hemm viżjoni biex iħares lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija.