Lokali

Il-ħaddiema kollha u volontier tad-Dar tal-Providenza jingħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi fis-sena tal-pandemija

Il-ħaddiema kollha u l-volontier Gordon Hewitt tad-Dar tal-Providenza ngħataw il-Premju Dun Mikiel Azzopardi f’din is-sena tal-pandemija (Jpgs tal-preżentazzjoni u bijografiji separati huma mehmuża).

F’ċerimonja qasira fil-Kurja fil-Furjana, l-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna ippreżenta l-Premju lil Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, u lil Marieanne Abdilla u Rebecca Theuma li kienu qed jirrappreżentaw il-ħaddiema kollha.

Mons. Arċisqof irringrazzja lill-ħaddiema għall-ħidma siewja tagħhom mar-residenti tad-Dar. Huwa sab ħin ċempel lill-volontier Gordon Hewitt li qiegħed fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule u feraħlu wkoll.

Gordon emozzjona ruħhu ħafna bit-telefonata tal-Arċisqof. Aktar tard huwa ngħata l-premju minn Fr Ivan Scicluna, kappillan tar-Residenza San Vinċenz.

Il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza, ilaħħqu ftit inqas minn 300 ruħ. Dawn il-ħaddiema huma mqassmin f’Villa Monsinjur Gonzi, f’Villa Papa Giovanni u f’Villa Papa Luċjani fis-Siġġiewi kif ukoll fid-djar fil-komunitajiet tas-Siġġiewi, l-Qawra, Birkirkara u ż-Żurrieq.