Lokali Qorti

Id-Difiża toġġezzjona għad-data tal-Europol fil-każ ta’ Yorgen Fenech

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Id-difiża ta’ Yorgen Fenech oġġezzjonat għall-preżentazzjoni tad-dejta tal-Europol anke jekk l-espert temm il-kompitu tiegħu. Minkejja dan l-Avukati ta’ Fenech talbu biex il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ta’ Malta biex jixhed fis-seduta li jmiss għax iridu jkunu jafu lil min ġie ittappjat it-telefon waqt l-investigazzjonijiet.

Is-Supretendent Keith Arnaud qal minn naħa li l-eks uffiċjal tal-Pulizija Mario Tonna u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qatt ma ġew ikkunsidrati bħala persuni ta’ interess fl-investigazzjoni tal-qtil. L-Ispettur jgħid li m’għandux informazzjoni dwar phone tapping minn naħa tas-servizzi tas-sugurtà.

Meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda li damet sejra għal aktar minn tliet sigħat kontra s-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech, akkużat li kien kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Qorti ordnat biex ix-xhieda ta’ tliet psikjatri li tqabbdu minnha biex tiġi evalwata l-qagħda Melvin Theuma ma tiġix pubblikata.

Fil-21 ta’ Lulju li għadda il-middleman fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien “weġġa’ lilu nnifsu”. u ttieħed l-isptar Mater Dei. Huwa kien ħareġ mill-isptar wara li l-Ħadd 30 ta’ Awwissu li għadda iżda minħabba li kellu ġrieħi fi griżmejh u minn dak inhar ‘l hawn kienx f’qagħda li jixhed.

Theuma, li ngħata l-proklama sabiex jgħid il-verità kollha b’rabta ma’ dan il-każ. Dakinhar tal-inċident Melvin Theuma ddaħħal l-isptar wara li nstab f’għadira demm f’daru fis-Swieqi. Fil-preżenza tal-paramediċi, Melvin Theuma, kien stqarr mas-Supretendent Keith Arnaud, li hu kien ipprova jweġġa

Wara tela’ jixhed Alvin Cardona, espert tal-IT maħtur mill-Qorti, biex jirrapporta dwar il-kompitu tiegħu fejn huwa għamel kopji tad-depożizzjoni ta’ Melvin Theuma u qal li li kien hemm partijiet fejn kellhom jiġu ċċensurati.

Huwa ppreżenta lill-Qorti u lill-partijiet kollha fil-każ rapport u sitt kopji ta’ dawn id-dvds. Huwa spjega b’mod tekniku kif għamel ‘save’ ta’ dawn id-dvds u l-format ta’ kif ġew ippreżentati.  Saħaq li ma biddel xejn mill viżwal tar-recordings għatta biss il-hluq fil-partijiet fejn kien mitlub minnu biex jagħmel dan.

Wara xehdu Margaret Debattista u Dr Marisa Mifsud. Huma nħatru biex jagħmlu traskrizzjoni ta’ voice recordings li ġew saved mill-espert tal-Qorti, fuq pendrives.

Huma għamlu traskrizzjoni ta’ tmien recordings li kenu fuq il-pendrives ippreżentati lilhom mid-Deputat Reġistratur tal-Qorti. Huma għandhom derba’ kopji tat-traskrizzjonijiet ta’ tmien settijiet ta’ recordings. Debattista spjegat lill-Qorti kif ħadmu biex għamlu t-traskrizzjoni tar-rekordings u kif iċċekkjaw ix-xogħol ta’ xulxin.

Graziella Attard, Deputat Reġistratur tal-Qorti telgħet fuq il-pedana tax-xhieda u qalet li l-espert tal-Qorti, Alvin Cardona, għaddielha l-pendrives bir-recordings li minn naħa tagħha ħarġitlu riċevuta biex turi li ġew ippreżentati lilha.

Hija għaddiet żewġ pendrives lit-traskritturi u it-tielet pendrive għadha f’idejn il-Qorti. Wara Cardona reġa’ intalab biex jixhed u ppreżenta it-tielet pendrive. Qal li baqa’ hard drive x’jista’ jippreżenta.

Il-Qorti tgħid li ix-xhud jippreżenta dak li hemm miktub fir-rikors tad difiża. L-Avukat Jason Azzopardi saħaq għalfejn la darba lest ix-xogħol tal-espert tal-qorti mhux se jitħalla jiġi ppreżentat? “Dan huwa espert tal-Qorti u mhux tad-difiża” qal l-Avukat Azzopardi

Id-difiża oġġezzjonat u qalet lill-Qorti biex timxi mal-proċeduri u Azzopardi semma kif fl-Lulju l-pożizzjoni tad-difiża ma kinitx l-istess. Hawn deher li se jqum battibekk bejn il-partijiet bid-difiża tinsisti li x-xiedha tkun biss dwar dak li tniżżel fir-rikors. Il-Qorti tordna biex l-espert Cardona jkompli jixhed darb’oħra.

Wara tela’ jixhed is-Supretendent Arnaud fejn bdew isirlu mistoqsijiet mid-difiża. Huwa ġie mitlub biex jippreżenta recordings li kienu nstabu f’Jannar. Huwa qal li ma jistax jippreżenthom għaliex huma parti minn inkjesta li għadha għaddejja u m’għandux awtorizazzjoni mill-Maġistrat inkwerenti li jagħmel dan.

Ix-xhud qal li dawn ir-recordings kienu f’device oħra u mhux fil-kaxxa ta’ Melvin Theuma. Tenna li jidhirlu li kienu fil-laptop tat-tifla tal-partner ta’ Melvin Thuema. Arnaud qal m’għandux problema biex jagħmel talba għalihom.

Il-Maġistrat staqsiet jekk dawn għandhomx xi referenza partikolari jew differenti minn dawk li diġà ġew ippreżentati. Ix-xhud qal li bl-istess mod kif ġew ippreżentati r-recordings ta’ Thuema se jiġu ppreżentati dawn ukoll li nstabu f’Jannar.

Ix-xhud kompla jgħid li l-ewwel li ngħtat prijorià kienet il-kaxxa bir-recordings li kellu Melvin Theuma u wara bdew janalizzaw devices oħra fosthom dan il-laptop.

L-avukat Charles Mercieca qed li hu kien qed ifisser għall-kaxxa li fiha kien hemm ir-ritratt ta’ Theuma ma’ Keith Schembri. Meta mistoqsi mid-difiża Arnaud qal li m’għamilx kopja ta’ dawn ir-recordings u li uża kopja mogħtija lilu mill-Maġistrat Inkwerenti.

L-avukat Mercieca staqsa lil Arnaud jekk f’dawn ir-recordings hemmx diskussjoni dwar kif ingħata l-maħfra presidenzjali Melvin Theuma u li kienu għaddew xi flus. Arnaud qal li mhuwiex ċert imma ma jirriżultux li hemm referenza għall-proklama fir-rekordings li nstabu f’Jannar 2020.

Ma taqbidx u tiżvela recording ma’ kullimkien” – Arnaud

Mistoqsi li kemm kil-darba sema’ dawn ir-recordings, li huma relevanti għal dawn il-proċeduri kontra Fenech, għaliex ma tagħax kopja lid-difiża, x-xhud qal ma jfissirx li għax ikollok recording taqbad u xxejru kullimkien u li mexa mal-proċeduri.

Arnaud qal li kien għal ħabta ta’ Lulju u Awwissu li kienu għadhom qed jisimgħu it-testimonjanza ta’ persuni msemmijin f’dawn ir-recordings. Il-Qorti tordna u twissi lill-membri tal-media biex ma jiġux ippublikati l-ismijiet tal-persuni li ssemmew f’dawn ir-recordings.

Ix-xhud qal li għadhom għaddejjin iżda waslu fl-aħħar, fejn jidħlu r-recordings. Hawn intervjena l-Ispettur Kurt Zahra dwar kif kienu qegħdin isiru l-mistoqsijiet għax qed imorru oltre l-mandat tas-seduta u l-Avukat Mercieca qal li dawn huma in kontro-eżami meta x-xhud intalab jitla jixhed mid-difiża stess.

L-avukat Mercieca għadda kumment fil-konfront ta’ Zahra dwar l-għarfien tiegħu. Il-Maġistrat Montebello tordna biex Mercieca jieqaf milli jgħaddi dawn it-tip ta’ kummenti f’ kull seduta.

Arnaud ikkonferma li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin dwar dawn il-persuni u li l-persuni li ssemmew f’dawn ir-recordings saru diversi sessjonijiet twal ta’ interrogazzjoni magħhom.

Id-difiża kompliet għaddejja b’għadd ta’ mistoqsijiet li għalihom Arnaud qal li ma kienx ippreparat li jwieġeb speċjalment fuq dati. Il-Maġistrat Montebello qalet li x-xhud ma’ ġiex ippreparat biex iwieġeb dettalji speċifiċi.

Tenniet li difiża ma tistax tippretendi li fejn trid tgħid nimxu mal-proċeduri u toġġezzjona biex jiġu eżebiti affarijiet mhux imniżżla fit-talba u issa trid li jirrispondi mistoqsijiet speċifiċi li ma jinsabux fit-talba li saret mid-difiża.

L-avukat Charles Mercieca tenna li d-difiżaqedi tesiġi li tħaffef l-investigazzjnijiet filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed tieħu l-affarijiet mil-lajma u dan meta Yorgen Fenech jinsab arrestat u li dan hu relevanti mat-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Saħaq li Fenech illum jinsab arrestat u ninsabu fl-2020 meta Daphne Caruana Galizia inqatlet 2017 u li i għaddiet kważi sena f’dawn il-proċeduri u r-recordings kollha għadhom ma’ ġewx ippreżentati.

Il-Maġistrat ordnat biex issir it-talba lill-Maġistrat inkwerenti biex jiġu ppreżentati r-recordings li baqa’ matul il-Kumpilazzjoni ta’ evidenza. Arnaud kompla jgħid li jixtieqx jixhed fuq affarijiet fejn jidħol is-servizz ta’ sigurtà għax mhux parti minnu.

Ma jistax jippreżenta affarijiet li mhumiex fil-pusses tiegħu

Arnaud qal li ma jistax jippreżenta affarijiet li mhumiex fil-pussess tiegħu, L-Avukat Mercieca ma qabilx u qal li l-provi juru mod ieħor u staqsa jekk il-prosekuzzjoni hux se tkun qed tippreżenta ċertu phone taps ta’ uħud li jiġu msemmija fir-recordings.

Mercieca qal li l-uffiċċjal prosekutur għandu jkun jaf ċertu dettalji tal-investigazzjonijiet u allura d-difiża titlob għaliex ma jistax jipprovdi ċertu dettalji.

Hawn tintervjeni l-Qorti li qalet “jiddependi kif tagħmel il-mistoqsijiet Avukat.” L-Avukat qal li f ‘dawn ir-recordings hemm allegazzjonijiet ta’ frame-up.

Il-Maġistrat Montebello reġgħet wissiet lid-difiża li r-regoli tal-Qorti huma l-istess għal kulħadd. Terġa ssemmi kif id-difiża qed tagħmel kontro-eżami lix-xhud u dan ma kienx imniżżel fir-rinviju.

Ikomplu l-battibekki fejn Mercieca staqsa min kien l-uffiċċjal tas-servizzi sigrieti li għaddielu ċertu phone taps. Il-Maġistrat ordnat lil Arnaud biex ma jirrisponix din id-domanda għaliex hija rrelevanti. Minn naħa tiegħu Arnaud tenna li hu ma jistaqsix uffiċċjali tas-servizzi sigrieti lil min jgħamlu phone tapping għaliex mhux kompitu tiegħu.

Ma jistax isemmi persuni fuq phone-tappings

Mistoqsi min kienu l-membri tat-task force li kienu jafu b’certu phone tappings ta’ persuna qrib Melvin Theuma. Arnaud qal li ma jistax isemmi ismijiet għax hemm persuni involuti fix-xogħol tas-servizzi sigrieti.

Kif il-kontroll fl-awla bejn l-Avukat u x-xhud ikun jidhder li se jintilef u hawn għal darba oħra l-Qorti tiġbed l-attenzjoni, din id-darba tal-avukat Gianluca Caruana Curran biex iġib ruhu sew fil-Qorti u jieqaf milli jikkummenta.

L-Avukat Mercieca staqsa lix-xhud għaliex talab l-għajnuna tas-servizzi sigrieti b’Arnaud jgħid għax hekk ħass. Mistoqsi x’wasslu biex iħoss hekk, il-Maġistrat terġa tintervjeni u tistaqsi lill-Avukat din x’tip ta’ mistoqsija hi.

Arnaud qal kif għamel talba għaliex ħass li hemm bżonn li xi persuni jiġu “followed” bħal l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat u anke Melvin Theuma. Dwar min huma l-persuni l-oħra, Arnaud qal li ma jistax isemmihom għaliex għadhom qed jiġu investigati.

Mercieca hawn talab lill-Qorti biex Arnaud jixhed bil-magħluq bix-xhud joġġezzjona li lanqas bil-magħluq ma kien qed jiżvela xejn. Il-Maġistrat ordnat biex f’dan l-istadju din l-informazzjoni ma tingħatax fix-xiedha ta’ Arnaud għaliex tista’ tkun ta’ ħsara għall-investigazzjoni.

Mercieca staqsa lil Arnaud jekk hux f’pożiżżjoni li jippreżenta kopja tas-service provider data?” Ix-xhud qal li dwar dan diġà hemm digriet fuq talba identika li saret mid-difiża.

Il-Qorti qalet li mhux se tippermetti li l-provi tal-investigazzjoni jiġu ppreżentati kif ġie ġie. L-Avukat Mercieca takab biex isir il-kontro-eżami lix-xhud, bil-Qorti tilqa’ t-talba iżda twissi lill-Avukat Mercieca biex ma joqgħodx jinħela f’mossi żejda u li d-difiża mhijiex l-Avukat Ġenerali.

Meta ġie mistoqsi dwar is-service provider data u meta din se tiġi preżentata, Arnaud qal li ma jistax għalissa, mistoqsi għaliex u meta se jippreżentaha, x-xhud qal li sed jagħmel dan meta tordni l-Qorti.

Ix-xhud ikkonferma li kien hemm photo data dwar tapping tal-mobile ta’ Edwin Brincat u ta’ oħrajn. Mercieca semma diversi persuni jekk sarx phone taps fuqhom, fosthom il-Maġistrat ordnat biex ma jiġux ippublikati ismijiet ta’ pesuni privati u qalet lill-Avukat li diġa’ kien għamel din il-mistoqsija.

Ikomplu l-battibekki

Meta komplew il-mistoqsijiet ix-xhud qal lill-Qorti li kienu qed idejquh il-kummenti minn taħt tal-avukati tad-difiża b’mod kostanti. Meta kompla l-każ ix-xhud Arnaud tenna ma jistax iwieġeb ċerta domandi għaliex huma fil-kompitu tas-servizzi sigrieti. Dan ukoll wara li ġie mistoqsi jekk sarx phone tapping fuq l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar.

Id-difiża talbet biex Arnaud isemmi l-ismijiet ta’ persuni li kellhom konverżazzjonijiet fuq il-mobile tagħhom rrekordjati, iżda l-Posekuzzjoni oġġezzjonat. l-Qorti ordnat biex ma jissemmewx għaliex tista’ ssir ħsara lill-investigazzjonijiet. Id-difiża hawn infurmat lill-Qorti li l-kontro-eżami fil-konfront ta’ Arnaud kienet qed tiġi sospiża.

L-avukat Charles Mercieca wara għadda biex jikkummenta dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech fejn qal li mhux sew li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ u li l-klijent tiegħu ilu aktar minn sena arrestat.

Qal li d-difiża mhijiexx skjava tal-Prosekuzzjoni. Is-supretendent Arnaud staqsa jekk kinitx qed issir trattazzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech. Il-Qorti wieġbet fin-negattiv iżda qalet li riedet tisma’ dak li riedet tgħid id-difiża.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex jiġi ppreżentat il-laptop tat-tifla tal-partner ta’ Melvin Thuema. Il-Maġistrat Montebello qalet li l-Maġistrat inkwerenti kienet ċaħdet din it-talba.

Is-Supretendent Keith Arnaud issuġerixxa li hu jitlob lill-Maġistrat inkwerenti biex tkun tsta’ tiġi ppreżentat d-data minn dan il-laptop li hi relevanti għal dawn l-investigazzjonijiet.

Hawn għal darba jidher li kien hemm qbil dwar dan u l-avukati ta’ Fenech qalu li kienu qed jaqblu bid-difiża tgħid ukoll li jekk hemm affarijiet personali fil-laptop, jista’ jsir divjet tagħhom. Arnaud qal li m’għandux problema li jiġu preżentati l-affarijiet relevanti għal din il-kumpilazzjoni.

Il-Maġistrat Montebello reġgħet emfażiat biex tiġi ppreżentata d-data relevanti għal dan il-każ u qalet ukoll li jista jkun tkun il-Maġistrat inkwerenti li tiddeċiedi x’inhu relevanti f’dan il-każ, eżempju ritratti tat-tfal u affarijiet oħra.

Sadanittant inħatar espert tal-Qorti biex jagħmel kopja tat-tagħmir elettroniku esibit fl-inkjesta. Il-kopji se jsiru taħt kundizzjonijiet stretti. L-informazzjoni relevanti biss se tkun esebita.

L-avukat Mercieca qal li qed jistenna li l-kap tas-servizzi sigrieti jew rappreżentant tas-servizzi sigrieti jitla’ wkoll jagħti x-xhieda tiegħu. Arnaud wieġeb billi qal li tali xhieda ma kinitx inkluża fl-applikazzjoni li ġiet preżentata mid-difiża.

Id-difiża għamlet referenza għal recordings fejn it-tifla tal-partner ta’ Theuma fejn tinstema’ tagħmel referenza għar-recordings b’rabta ma’ dan il-każ.

L-Ispettur Arnaud talab lid-difiża biex tispjega liema eżatt hu dan ir-recording filwaqt li kkonferma reġa’ li l-Prosekuzzjon qed itella’ l-provi kollha. Irrepeta li ma jħossux komdu jsemmi l-ismijiet ta’ ċertu persuni quddiem id-difiża meta dawn għadhom qed jiġu investigati.

Id-difiża ġibdet l-attenzjoni li l-partner ta’ Theuma u oħrajn membri tal-familja tiegħu kienu tkellmu dwar il-każ. Id-difiża qalet li l-klijent tagħhom irid li tiġi ppreżentata l-informazzjoni kollha filwaqt li qalet li tqis li l-partner ta’ Thuema hi persuna ta’ interess f’dawn l-investigazzjonijiet peress li hi tinstema’ fir-recordings titkellem ma’ Thuema dwar il-qtil.

Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-tilqa’ t-talba tad-difiża biex fis-seduta li jmiss jitla’ jixhed rappreżentat tas-servizzi sigrieti. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonijiet li dan ma kienx indikat mid-difiża u li din it-talba kienet waħda ġenerika wisq u għandu jkun indikata skont parametri ta’ żmien għax inkella din hija biss ‘fishing expedition’.

Il-Qorti qalet li iva d-difiża għandha tagħti perjodu ta’ żmien speċifiku dwar il-phone-taps. Fis-seduta li jmiss se jkompli jixhed is-Supretendent Arnaud u tingħata deċiżjoni dwar rappreżentant tas-servizzi sigrieti u dan wara li ssir n-nota mid-difiża.

Yorgen Fenech ta’ 39 sena, li qabel ma’ ġie arrestat kien residenti Portomaso San Ġiljan qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Fenech qed jiġi mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofs inhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ppromova, kkostitwixxa, organiżża jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali.

Qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, u mhux limitat għall-għoti ta’ nformazzjoni jew ta’ meżżi materjal jew reklutaġġ ta’ membri ġodda, meta kien jaf l-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilità.

Qed jiġi mixli wkoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt.

Jinsab mixli li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettaq delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Akkuża oħra tgħid li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor. Il-kumpilazzjoni biex tiġbor il-provi fil-każ ta’ Fenech kienet bdiet fil-11 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra.

Din il-kumpilazzjoni li se tkompli nhar it-Tnejn 28 ta’ Diċembru li ġej fl-10.00am. L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca  qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech.  

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt  Zahra mgħejjuna mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru bħala parte civile f’isem il-familja Caruana Galizia.