Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella żaru l-proċess tal-għadd tal-muniti tal-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank fil-BOV Centre f’Santa Venera, fejn ġew milqugħa minn Anita Mangion, Direttur tal-Bank of Valletta u Charles Azzopardi, Eżekuttiv PR u Marketing tal-Bank.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-L-Istrina BOV Piggy Bank Campaign rat mijiet ta’ piggy bankijiet tal-kartun imqassma fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha f’Malta u Għawdex biex jippromwovu s-solidarjetà minn età żgħira u biex jikkontribwixxu għall-isforz lejn L-Istrina. Imbagħad jinġabru mill-iskejjel u l-eluf u eluf ta’ muniti jiġu magħżula u magħduda mill-voluntiera tal-BOV u tal-MCCFF.
‘Għalkemm ma stajniex nagħmlu xi wħud mill-avvenimenti relatati mal-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank minħabba s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-COVID-19, bħal li niltaqgħu mal-Kapijiet tal-Iskejjel u nżuru wkoll numru ta’ skejjel, aħna kuntenti ħafna li naraw id-donazzjonijiet,’ qal l-Eċċellenza Tiegħu. ‘Is-solidarjetà li tant hija magħrufa għaliha l-popolazzjoni Maltija, ġiet fuq quddiem, billi kull donazzjoni, zgħira kemm tkun żgħira, tista’ tagħmel differenza għal dawk li jeħtieġu s-servizzi tal- Malta Community Chest Fund Foundation.’
‘Din is-sena naqqasna b’mod sostanzjali l-impatt fuq l-ambjent ta’ din il-kampanja bl-introduzzjoni ta’ piggy bankijiet tal-kartun riċiklabbli minflok dawk tas-soltu tal-plastik,’ qalet id-Direttur Anita Mangion. ‘Din hija l-iktar il-fażi mpenjattiva tal-kampanja iżda wkoll l-iktar waħda sodisfaċenti, billi ċ-ċekċika ta’ kull munita tfisser kontribuzzjoni oħra lejn is-somma miġbura.’
‘Din hija s-17-il sena konsekuttiva li qed norganizzaw din il-kampanja b’kollaborazzjoni mal-Malta Community Chest Fund, u x’aktarx kienet waħda mill-aktar ta’ sfida, speċjalment biex ħadna ħsieb is-saħħa ta’ dawk kollha li jipparteċipaw fil-kampanja,’ kompliet is-Sinjura Mangion. ‘Din hija waħda mill-kampanji li nħarsu ’l quddiem għaliha kull sena, billi tiġbor flimkien tfal tal-iskola, il-ġenituri tagħhom, l-iskejjel u numru ta’ voluntiera u impjegati tal-BOV li jiżguraw is-suċċess tagħha.’
Il-President u s-Sinjura Vella ntwerew il-proċess kollu ta’ kif jingħaddu l-fondi fejn Dr Vella ħa l-opportunità biex jirringrazzja lill-voluntiera tal-MCCFF, li komplew jappoġġjaw il-Fondazzjoni matul din is-sena diffiċli u l-popolazzjoni Maltija kollha li kompliet tgħin u tagħti donazzjoni.
Is-somma finali miġbura permezz tal-kampanja L-Istrina BOV Piggy Bank tiġi ppreżentata lill-President waqt ix-xandira diretta ta’ L-Istrina fis-26 ta’ Diċembru.
//= $special ?>