L-ewwel nofs ta’ Novembru kien ikkaratterizzat minn temp xott u kalm filwaqt li t-tieni nofs serva bħala indikazzjoni li x-xitwa kienet fil-qrib, bi ġranet ikkaratterizzati bir-riħ u x-xita.
It-temperatura tal-arja ta’ Novembru laħqet massimu ta’ 23.7 grad celsius fir-raba’ jum, hekk kif fl-ewwel nofs tax-xahar il-gżejjer Maltin esperjenzaw temp sabiħ li normalment huwa assoċjat mas-sajf ta’ San Martin u li huwa magħruf ukoll b’termini differenti f’pajjiżi oħra.
It-temperatura medja tal-arja għal Novembru kienet ta’ 17.7 grad celsius filwaqt li t-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet grad għola mir-norma klimatika ta’ 21 grad celsius.
Il-kopertura medja tas-sħab għax-xahar kienet ta’ 3.1 aktar, jiġifieri kopertura eħfef mill-mistennija minn dan iż-żmien tas-sena. Matul ix-xahar kellna 186.5 siegħa ta’ xemx, bl-aktar jum imdawwal ta’ Novembru jirreġistra 9.8 sigħat xemxin.
B’kuntrast ma’ dan, is-17 ta’ Novembru kien l-aktar jum griż tax-xahar minħabba li matutlu x-xemx ħarġet biss għal nofs siegħa. Dan il-jum kien ukoll l-aktar wieħed li fih għamlet xita, b’27.7mm xita jinġabru f’temp ta’ 24 siegħa. Tul ix-xahar ta’ Novembru tkejlu total ta’ 77.1mm xita, jiġifieri 24.6 anqas mill-kwota għal Novembru.
Tul ix-xahar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rraporta tliet maltempati bir-ragħad u s-sajjetti fit-tieni nofs, kif ukoll sitt ijiem bil-bjuda ta’ filgħodu.
B’mod ġenerali x-xahar ta’ Novembru kien aktar kalm milli mistenni, bil-veloċità medja tar-riħ tkun ta’ 6.6 knots minflok dik mistennija ta’ 8.3 knots. L-aktar ġurnata bir-riħ kienet it-28 ta’ Novembru. b’buffura massima ta’ 35 knots mix-Xlokk.


