Internazzjonali

Stati Uniti: Id-Dipartiment tal-Enerġija fil-mira ta’ ‘cyber-hack’ ewlieni

Id-Dipartiment tal-Enerġija fl-Istati Uniti hi l-aħħar aġenzija ewlenija li spiċċat ‘infiltrata’ minn hackers – bil-każ qed jitqies bħala ‘l-agħar attakk ċibernetiku s’issa’ fuq il-Gvern li, bħalissa, għaddej minn proċess ta’bidla qabel il-President Amerikan-elett Joe Biden jieħu l-ġurament tal-ħatra.

Dan id-Dipartiment hu responsabbli mit-tmexxija tal-armi nukleari tal-Istati Uniti u l-uffiċjali f’Washington ma tilfux iż-żmien biex ‘jikkonfermaw’ li s-sigurtà ta’ dawn l-armi ma kenitx kompromessa f’dawn iċ-ċirkustanzi.

L-aħbar ħarġet ftit wara li l-kumpanija tat-teknoloġija Microsoft qalet li sabet tip ta’ software intiż li jagħmel il-ħsara fis-sistemi tagħha.

Ħafna osservaturi fl-Istati Uniti qed jissuspettaw fil-Gvern tar-Russja għal dawn it-tipi ta’ hacking ‘straordinarju’ – bl-amministrazzjoni f’Moska qed tiċħad għal kull sehem f’dawn il-każi.

Id-Dipartimenti tat-Teżor u għall-Kummerċ fl-Istati Uniti, fl-aħħar ġimgħat u xhur, spiċċaw ukoll mira għall-hackers sofistikati – bl-infiltrazzjoni tkun ikkonfermata mill-uffiċjali Amerikani proprju ftit tal-jiem ilu.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump ma kkummentax dwar dawn l-attakki ċibernetiċi. Dan waqt li l-President Amerikan-elett Biden ( li jsir President uffiċjalment fl-20 ta’ Jannar) għamilha ċara li l-amministrazzjoni tiegħu se tagħti ‘l-akbar priorità’ lis-sigurtà tal-oqsma ċibernetiċi fil-pajjiż.