“Gawdejtu biżżejjed”. Dan kien id-diskors li l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta laqa’ bih lill-Bdiewa Qriema meta marru jitkellmu favur arthom malli saru jafu bi proġett ieħor ta’ bini ta’ toroq … proġett ieħor misterjuż imfassal mill-Aġenżija tal-Gvern, li se tkun qed tgħaddi romblu minn fuq art agrikola għall-flyover ġdida fil-Bypass tal-Imrieħel.
Marjanna Calleja, żagħżugħa li l-familja tagħha ilha tieħu ħsieb din l-art, qablet dan l-aġir bħala stallett f’dahar il-bdiewa.

Min-naħa tiegħu, Charles Bonello, bidwi ieħor li l-familja tiegħu ilha taħdem din l-art għal aktar minn 100 sena, qal li b’dan il-proġett mistennija jittieħdu aktar minn 20 tomna ta’ raba’ maħdum – jew tliet grawnds tal-futbol f’art ODZ – u se jeqred l-attività tal-biedja fiż-żona.
Saħaq li dan il-proġett se jkun is-sentenza tal-mewt għal waħda mill-ftit meded ta’ art li fadal li jservu ta’ pulmun għal Ħal Qormi, li diġà jinsab fgat mill-ammont ta’ traffiku li jinġema’ u li wassal biex kompla joħnoq iż-żona u jniġġes l-arja.

Barra minhekk, il-flyover se twassal ukoll għall-qerda ta’ ġibjun kbir tal-ilma u għall-qlugħ ta’ numru ta’ siġar protetti taż-żebbuġ u tar-rummien, li xi wħud minnhom imorru lura għal mijiet ta’ snin, sforz l-arroganza tal-Gvern Laburista li lest jirrombla fuq l-ambjent Malti.
Il-bdiewa esprimew id-dispjaċir tagħhom għall-mod kif Infrastructure Malta qabdet u ddeċidiet, mingħajr l-ebda avviż, li tieħu l-artijiet tagħhom.
Ir-residenti wrew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li l-flyover se tkun qed teqred ukoll il-pont pedonali ġdid li jgħaqqad lill-Imrieħel ma’ Ħal Qormi … daqqa ta’ ħarta oħra fil-wiċċ għall-aċċessibbiltà pedonali. Il-pont kien sar bl-għan li jnaqqas in-numru ta’ inċidenti fatali f’din il-Bypass.

Barra minhekk, ir-residenti semmgħu t-tħassib tagħhom dwar l-istruttura tat-torri storiku tal-għassa, li kien inbena matul il-ħakma tal-Granmastru Pinto u li jmur lura madwar 500 sena, kif ukoll niċċa ta’ storja u preġju ddedikata lil San Ġwakkin.
Ir-rappreżentant tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Qormi u Minority Leader fil-Lokalità, Jerome Caruana Cilia, ikkritika lill-Gvern ukoll għall-fatt li l-Kunsill Lokali ma kienx avżat bit-tħejjijiet għal dan il-proġett.
Dan filwaqt li kelliem għall-Moviment Graffitti kkritika l-imġieba ta’ Infrastructure Malta u ddeskriva dan l-aġir bħala “att ta’ arroganza u bullying sfaċċat.” Il-grupp ta’ attivisti kkritika lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Gvern, Frederick Azzopardi, talli qalu li qed jimplimenta kampanja sistematika kontra l-bdiewa, u jkeċċihom minn arthom, filwaqt li jirrikorri għat-theddid.
Il-bdiewa jinsabu mħassba wkoll dwar il-mod kif qed isiru x-xogħlijiet, u għamlu referenza għal esperjenzi li ġarrbu bdiewa oħrajn fil-pajjiż wara li kellhom jaffaċċjaw sitwazzjonijiet simili bħal fost oħrajn bil-proġett tas-Central Link, ftit ‘il bogħod minn din l-art.
