Lokali

Bernard Grech jilqa’ lir-rebbieħa ta’ Malta’s Got Talent fid-Dar Ċentrali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, flimkien mas-Sinjura tiegħu AnneMarie, laqa’ fid-Dar Ċentrali lil Jomike u Lydon … il-missier u l-iben li ttrijonfaw il-Ħadd filgħaxija fl-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent.

Bernard Grech feraħ lil Jomike u Lydon li rnexxielhom jisirqu l-qlub ta’ bosta Maltin u Għawdxin bil-makjetti filwaqt li grazzi għat-talent tagħhom taw spinta ‘il quddiem lit-tradizzjoni Maltija permezz tal-għana u l-personalità tagħhom li fil-kollaborazzjoni ta’ bejniethom qanqlet tbissima fuq fomm it-telespettaturi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ammira r-reżiljenza taċ-ċkejken Lydon li, ta’ sitt snin biss, affronta din l-isfida b’determinazzjoni u mingħajr biża’.

Huwa awgura kull suċċess lill-missier u l-iben fil-karriera tagħhom u rringrazzjahom talli b’għemilhom u bl-ispettaklu tagħhom ispiraw lill-poplu Malti u Għawdxi

Bernard Grech rringrazzja wkoll lill-Kap Eżekuttiv tax-Xandir Nazzjonali, Charles Dalli, tal-ħidma tal-istazzjon li grazzi għal dan il-programm, il-lingwa u l-kultura Maltija kellha opportunità ta’ vetrina f’kull dar f’Malta u Għawdex, u mhux biss.

Dan filwaqt li Bernard Grech u s-sinjura tiegħu taw rigal ċkejken lit-tfajjel f’okkażjoni ta’ dawn il-jiem speċjali ta’ festi.