Futbol Sport

Ħamrun Spartans jiddominaw u jiksbu tliet punti importanti kontra Floriana

(Ritratt: Trevor Sollars)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S……….3

FLORIANA……….1

Ħamrun S: E. Bartolo, D. Gojkovic, M. Guilaumier, J. Mbong, J. Soares (D. Borg 90’), F. Sasere, S. Valero, J. Corbalan, P. Djordjevic, K. Micallef (M. Barbosa 70’), E. Marcelina (I. Adeshina 90’)

Floriana: I. Akpan, E. Ruiz, N. Leone (B. Paiber 64’), K. Keqi, U. Arias (S. Arab 87’), J. Pisani, M. Garcia, A. Cini, J. Busuttil, R. Camenzuli, T. Fonseca (F. Cheversan 64’)

Imwissija: F. Sasere 11’, J. Corbalan 18’, K. Micallef 67’, E. Marcelina 74’, P. Djordjevic 84’ (Ħ), U. Arias 35’, J. Pisani 59’ (F)

Skorjaw: M. Garcia 4’ (F), J. Soares 9’, M. Guillaumier 29’, F. Sasere 89’ (Ħ)

Referee: Malcolm Spiteri 

Assistenti Referees: Luke Portelli u Mitchell Scerri

Il-Mument Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans)

BOV Plejer tal-logħba: Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta f’logħba li ddominaw għall-aħħar għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 3-1. Kienu Floriana li marru fil-vantaġġ wara biss 4 minuti, iżda minn dak il-ħin ‘il quddiem l-Ispartans bla dubju kienu l-aħjar tim fil-ground u skurjaw tliet darbiet biex kisbu l-punti massimi minn din il-logħba.

Mark Buttigieg ta’ Ħamrun għamel bidla waħda mill-ħdax inizzjali fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Sliema fejn minflok Arthur Oyama, li jinsab mweġġa, lagħab lill-Internazzjonali Malti Karl Micallef li dakinhar ukoll kien nieqes minħabba injury. Minn naħa l-oħra Potenza ta’ Floriana kellu żewġ bidliet mill-formazzjoni tal-ġimgħa li għaddiet fejn minflok Brandor Paiber u Marcelo Dias bdew Alexander Cini u Jan Busuttil. 

Wara biss żewġ minuti Floriana marru viċin meta minn azzjoni ta throw in fit-tul, Marcelina għamel tentattiv ħażin biex ibiegħed il-periklu, bil-ballun jispiċċa għand Keqi li x-xutt mill-ewwel tiegħu jkun milqugħ b’diffikultà minn Bartolo. Fir-4 minuta Floriana fetħu l-iskor meta kien MATIAS GARCIA li kkonkluda tajjeb minn tarf il-kaxxa wara kross ta’ Arias. Floriana ma’ tantx damu jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif fid-9 minuta l-Ispartans kisbu l-gowl ta’ dro.

Kienet azzjoni mibdija minn Sasere li qassam lejn Mbong, b’dan tal-aħħar jgħati lejn JORGE SOARES li prattikament minn quddiem Akpan ma’ falliex. Minn wara l-gowl tad-dro Ħamrun dehru fil-kontroll tal-logħba u man-nofs siegħa logħob irnexxielhom ukoll imorru fil-vantaġġ. Kien Soares li avvanza lejn in-nofs u tefa’ fit-tul lejn MATTHEW GUILLAUMIER li mingħajr ma’ ħares lejn Akpan ikkonkluda mill-ewwel billi qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper ta’ Floriana biex b’hekk skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk Ħamrun.

Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima reġgħu kienu Ħamrun li marru viċin meta l-plejer tal-logħba Matthew Guillaumier qassam lil Soares li avvanza lejn tarf il-kaxxa iżda l-konklużżjoni tiegħu għaddiet ftit barra. Fit-tieni taqsima Ħamrun komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fis-57 minuta Guillaumier  tefa’ kross mix-xellug li sab lil Sasere li d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit barra. Fid-59 minuta l-plejers ta’ Ħamrun ipprotestaw għal penalty meta Ryan Camenzuli deher imiss il-ballun b’idu iżda r-referre Malcolm Spiteri ħalla l-logħob għaddej.

Fit-68 minuta Floriana jingħataw free kick minn tarf il-kaxxa li nkariga ruħu minnu s-sostitut Brandon Paiber bix-xutt b’saħħtu tiegħu deher iddestinat lejn il-lasta iżda ġie mxellef f’korner mid-difiża ta’ Ħamrun. Fil-85 minuta Manuel Bartolo wettaq save mill-isbaħ minn free kick dirett ta’ Paiber. Fid-89 minuta Ħamrun issiġillaw ir-rebħa meta FRANKLIN SASERE approfitta minn żball ta’ Alexander Cini, avvanza u qassam lejn Barbosa li xutt tiegħu gie mtajjar minn fuq il-linja minn Ruiz, iżda l-ballun ġie fuq ras l-istess Sasere li ma’ żbaljax għal riżultat finali ta’ 3-1.