Lokali

Ħidma għal politika mġedda fil-Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jinvesti fis-sħiħ biex jerġa’ jqajjem servizz ta’ customer care għall-Maltin u l-Għawdxin kollha li jkollhom bżonn jikkomunikaw direttament mal-Partit. Mezz biex in-nies iwasslu l-ideat u s-suġġerimenti, iżda wkoll l-uġigħ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.

Dan qalu Ivan J. Bartolo, li ftit tal-jiem ilu ġie approvat mill-Kumitat Eżekuttiv fil-kariga ta’ President tad-Djalogu Soċjali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm Issues fuq NET FM.

Spjega wkoll l-importanza li biex dan ix-xogħol iħalli l-frott, tinħoloq in-network ta’ voluntiera magħmul minn nies li lesti jagħtu ħinhom bla ħlas ħalli x-xogħol jibqa’ għaddej b’mod produttiv.

Ivan J. Bartolo kompla li dan ir-rwol hu wieħed ġdid iżda importanti għall-Partit Nazzjonalista għax bih il-Partit irid joħroġ aktar mid-Dar Ċentrali u jiltaqa’ man-nies, fosthom organizzazzjonijiet politiċi, soċjali u kulturali. Dan anke bis-saħħa tal-Fergħat u l-Kumitati Sezzjonali.

Iżda qal li fil-ħidma tiegħu, hu qed iħares ukoll lejn mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, għalkemm dejjem bil-ħsieb li jżomm id-Djalogu fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Matul l-istess programm, kienet mistiedna Martina Caruana, li kienet approvata mill-Eżekuttiv ukoll bħala l-President tar-Riċerka Politika tal-Partit. Hi qalet li aċċettat li tkun parti mill-Partit Nazzjonalista għax hi kburija li hi Maltija u għalhekk, riedet tara li l-Partit ikun jista’ jsaħħaħ il-politika ħolistika tiegħu.

Ivan Bartolo kompla li l-Partit Nazzjonalista jrid jisma’ u jitkellem anke ma’ dawk li ma jaqblux miegħu. Dan hekk kif jemmen li b’dawn iż-żewġ karigi ġodda, il-Partit irid joħroġ miż-żona tradizzjonali tiegħu.

Qal li fil-ħidma tiegħu, se jkun qed jara li jiddjaloga ma’ kulħadd għax konxju li l-Partit Nazzjonalista mhux perfett, għalkemm irid ikun jaf aktar dwar il-ħtiġjiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Dwar dan, Martina Caruana spjegat li l-politika tal-Partit għandha tinkludi lil firxiet aktar wiesgħa tas-soċjetà … mhux biss in-nisa, iżda anke minoranzi differenti li jfasslu l-qawsalla ta’ pajjiżna.

Hi spjegat li dan għandu jsir fid-dawl tat-tiġdid li għandu jagħmel il-Partit Nazzjonalista, ladarba jemmen li dan hu essenzjali biex jimxi mal-mod kif qed tevolvi kontinwament il-ħajja.