Lokali

Il-maġija tal-Milied mwaħħda max-xjenza fl-Esplora

Minkejja l-imxija tal-pandemija, waqt il-btajjel tal-Milied, Esplora qed tilqa’ l-familji Maltin u Għawdxin fi ħdana bil-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha, u l-ambjent festiv għal dan iż-żmien speċjali…. bil-veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir.

Kelliema għal dan ic-centru tax-xjenzi f’Bighi spjegaw li filwaqt li ser ikunu qed jiddevertu lill-viżitaturi f’atmosfera mill-isbaħ tal-Milied, qed jabbinaw dawn il-festi ma’ esperimenti edukattivi tax-xjenza.

Għaldaqstant, it-tfal qed jiskopru li l-maġija tal-Milied mhux daqshekk differenti minn dak li toffri x-xjenza.

Ta’ min wieħed jinnota li l-Ħadd 20 ta’ Diċembru, bejn id-disgħa u nofsinhar Esplora ser tkun qed torganizza attivitajiet msejħa Autism Friendlu Hours – ideali għal dawk it-tfal u persuni li jsoffru mill-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Dan filwaqt li matul dawn il-jiem  – sal-aħħar ta’ Jannar, tfal taħt –il ħmistax-il sena jidħlu gratis.

Fost l-attivitajiet li wieħed isib hemm l-attività ta’ 12 days of Christmas fejn jinvolvi diversi esperimenti fejn f’xi waqtiet tkun trid tmidd idejk ukoll. Hemm ukoll show spettakolari mżewwaq b’mużika u kuluri mill-isbaħ.

It-tfal huma mħeġġa li jieħdu ritratti tal-affarijiet li jkunu ħolqu waqt iż-żjara tagħhom f’Esplora bil-għan li dawn jitilgħu fuq is-socials ta Esplora stess.

Dawn l-attivitajiet jibqgħu sejrin tul il-jiem kollha tal-vaganzi tal-Milied u huma miftuħa mit-Tlieta sal-Ħadd bejn l-10 ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija.