M’hemmx raġuni għaliex għandna niġġieldu jekk ma naqblux politikament, nieħduha kontra xulxin jew saħansitra nobgħodu lil xulxin. Nistgħu nsegwu kulur politiku differenti, iżda ngħixu flimkien fil-paċi.
Dan kien l-awgurju tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-messaġġ annwali bħala parti mill-kampanja Milied Flimkien. Messaġġ ta’ tama fi tmiem sena mimlija sfidi partikolari, kawża tal-pandemija, u qrib sena ġdida, li nittamaw li terġa’ tarana ngħixu ħajjitna bl-aqwa mod.
Bernard Grech tkellem dwar l-importanza tad-demokrazija, li għandha tgħin biex tkun garantita l-libertà. Għax jekk ma jkollniex demokrazija, ikollna dittatura, li toħnoq kull forma ta’ libertà, bil-biża’ li xi ħadd imur kontra dak li għandu l-poter f’idejh u jaqlibielu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li pajjiż jimxi ‘l quddiem għax ikollu nies ta’ fehmiet politiċi differenti. Hu għalhekk li mn’Alla li f’pajjiżna wkoll għandna fehmiet politiċi differenti għax b’hekk jista’ jkollna partiti politiċi differenti li jiggarantixxu d-demokrazija.
Min-naħa l-oħra, hu esprima t-tħassib tiegħu għad-distinzjonijiet bla bżonn li jinħolqu kawża tal-kuluri politiċi differenti. B’dan il-ħsieb hu awgura li ħadd ma jieħodha b’offiża li xi ħadd ikun ta’ kulur politiku minn tiegħu.
Anzi, għandna naraw li ngħixu Milied li jgħallimna nagħrfu d-differenzi ta’ bejnietna, naċċettawhom u nirrispettawhom … biex ningħaqdu, nikbru flimkien u nagħmlu soċjetà aħjar u pajjiż isbaħ, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>