Lokali

Operazzjoni delikata mill-Pulizija f’Raħal Ġdid … aktarx sejba kbira ta’ droga f’residenza

Żewġt irġiel, wieħed ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid, kienu arrestati wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.

Dan fi tmiem operazzjoni konġunta mal-iSpecial Intervention Unit u r-Rapid Intervention Unit fi Triq Melita, f’Raħal Ġdid stess.

Il-każ seħħ matul il-jum meta l-pulizija interċettaw vettura li kienet qed tinstaq mill-Ħamruniż u li bħala passiġġier fiha kien hemm iż-żagħżugħ minn Raħal Ġdid.

NET News jinsab infurmat li wieħed mill-persuni arrestati hu Melvin Debono – magħruf bħala Il-Quws – li ftit ilu kien arrestat wara li allegatament spara fuq it-tfajla tiegħu fl-Isla.

Fi tfittxija fil-vettura u fuq il-persuni tagħhom instabu madwar 2kg droga kokaina, ċwievet ta’ karozzi, kif ukoll aktar minn €8,500 fi flus kontanti.

Il-ħidma kompliet f’residenza fi Triq Melita u f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska, f’Raħal Ġdid stess, li huma propjetà taż-żagħżugħ. Fir-residenza nstabet id-droga ħaxixa u anke kokaina, flimkien ma’ €100,000 f’deheb u ġojjellerija oħra, kif ukoll madwar €78,000 fi flus kontanti.

Sadanittant, fil-garaxx, il-Pulizija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63, li l-valur tagħhom ilaħħaq l-ammont ta’ madwar €250,000.

Dan filwaqt li saret ukoll tfittxija oħra f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa, fil-Marsa, propjetà tar-raġel ta’ 40 sena. Hemm instabu madwar 3.5kg droga kokaina, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga kollha nbiegħet kien ilaħħaq madwar €350,000.

Filwaqt li l-irġiel qed jinżammu arrestati fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, huma mistennija jitressqu l-Qorti taħt arrest għada, b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar tad-droga, kif ukoll b’ħasil ta’ flus.

Il-Maġistrat tal-għassa Marseann Farrugia ġiet infurmata bil-każ u ħatret Inkjesta.