Futbol Sport

Penalty u punt kull wieħed f’partita bilanċjata

(Ritratt: Stephen Gatt/ MFA)

George Cassar

BIRKIRKARA……………….1

GŻIRA UNITED……………..1

Birkirkara.: A. Guarnone, C. Attard, K. Zammit, E. Pepe, O. Carniello, C. Bonanni (P. Mbong 75’), R. Alidor, Y. Yamkam, C. Prado (Lecào 66’), L. Montebello (R. Briffa 88’), F. Falcone

Gżira U.: J. Haber, N. Portelli, Sacha Borg, Steve Borg, G. Mentz, N. Muscat, J. Mendoza, M. Davis, R. Correa, Jefferson, R. Kooh Sohna (A. Samb 71’)

Skurjaw: M. Davis – pen. 64’ (G), Lecào – pen. 84’ (B)

Imwissija: R. Kooh Sohna 18’ (G), E. Pepe 23’ (B), J. Mendoza 53’ (G), K. Zammit 63’ (B), Lecào 75’ (B), F. Falcone 80’ (B), J. Haber 83’ (B)

Referì: I. Barbara

Assistenti referis: A. Camilleri, P. Apap

Il-plejer tal-logħba: M. Davis (G)

Penalty skurjat fuq kull naħa żamm il-bilanċ sal-aħħar bejn Birkirkara u Gżira United. Dan il-punt ma jikkuntentax liż-żewġ timijiet li kellhom l-aspirazzjonijiet li jibqgħu jersqu qrib it-timijiet ta’ fuq bl-għan li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat.

Il-partita rriżultat f’waħda bilanċjata bi Gżira jkollhom ċansijiet perikolużi fl-ewwel taqsima, iżda Birkirkara żiedu fil-logħob tagħhom fit-tieni waħda fejn ġiethom anki l-opportunità li jirbħu t-tliet punti bl-aħħar xutt tal-logħba. 

Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn rebħiet tajbin fejn Birkirkara kienu għelbu lil Hibernians filwaqt li Gżira kienu rebħu lil Balzan. B’dan ir-riżultat Birkirkara tawlu s-serje ta’ partiti mingħajr telfa għal sitt logħbiet.

Gżira kienu viċin li jiftħu l-iskor fil-35 minuta meta minn korner ta’ Nikolai Muscat, Sacha Borg laqat il-wieqfa b’daqqa ta’ ras.

Qabel intemmet l-ewwel taqsima, Alessandro Guarnone ma kkalkulax il-ħarġa tiegħu u Jefferson deher li se japprofitta mill-iżball tal-gowlkiper Karkariż u kważi sab ruħu b’lasta vojta quddiemu, iżda r-referì Ishmael Barbara saffar għall-fawl kontra l-attakkant ta’ Gżira.

Birkirkara fetħu t-tieni taqsima b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ Federico Falcone li ħareġ l-abbiltajiet tal-eks Justin Haber li tar minn tulu u dawwar il-ballun f’korner.

Ftit minuti wara s-siegħa logħob kien hemm kuntatt fil-kaxxa bejn Martin Davis u Kurt Zammit. Ir-referì għal mument ħalla l-logħob għaddej iżda l-assistant tiegħu Paul Apap intervjena u ngħata penalty favur Gżira. L-istess plejer involut Martin Davis skorja l-ħames gowl staġjonali mill-penalty u ta vantaġġ lill-Maroons.

Seba’ minuti mit-tmiem iż-żewġ timijiet reġgħu bbilanċjaw lil xulxin meta Justin Haber waqqa’ lil Luke Montebello fil-kaxxa ż-żgħira u r-referì saffar it-tieni penalty tal-logħba filwaqt li wera l-karta s-safar lill-gowlkiper Karkariż. Is-sostitut Lecào mar fuq il-ballun u skorja l-penalty.

L-istess plejer Brażiljan għal ftit ma kienx providenzjali biex jagħti rebħa lil Birkirkara fl-aħħar sekondi wara li ħoloq kontrattakk veloċi, għadda lejn is-sostitut l-ieħor Paul Mbong li iżda ra x-xutt finali tiegħu mblukkat tajjeb minn Justin Haber li b’hekk salva punt għat-tim tiegħu.