Iċ-Champions tal-Ingilterra, Liverpool, kisbu l-akbar rebħa tal-istaġun – u għal dawn l-aħħar staġuni – meta ġabu fix-xejn lil Crystal Palace f’Selhurst Park, bħalma jindika l-iskor finali ta’ 7-0.
Minkejja l-valanga ta’ gowls għar-Reds, l-Eagles kienu kompetittivi fl-ewwel 45 minuta iżda fl-aħħarnett, il-kwalità tal-attakkanti ta’ Liverpool għamlu differenza enormi u fejn ir-Reds, fil-fatt, skurjaw tliet darbiet mill-uniċi ċansijiet ċari li kellhom fl-ewwel taqsima.
Intant, Liverpool kisbu l-vantaġġ wara biss tliet minuti minn MINAMINO, b’Sadio MANE jagħmilhom tnejn wara 35 minuta u b’Roberto FIRMINO ikabbar id-distakk għar-Reds sekondi qabel il-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima, Crystal Palace sfaxxaw għal kollox, b’Liverpool ikomplu jżidu l-gowls minn HENDERSON , FIRMINO fit-68 minuta u MO SALAH biex b’hekk ikkonkludew 90 minuta mill-aktar diffiċli għal Guaita u sħabu.
B’din ir-rebħa Liverpool anki aċċertaw li jkunu fl-ewwel post tal-Premier League fi żmien il-Milied għat-tielet staġun konsekuttiv.
Everton komplew iżidu l-gwaj ta’ Arsenal — u tal-manager Mikel Arteta — b’rebħa, 2-1, fuq il-Gunners f’Goodison Park.
B’hekk ukoll kompliet il-vena formidabbli ta-Toffees li, fl-ispazju ta’ ġimgħa, irnexxielhom jegħlbu wkoll lil Chelsea u Leicester City, biex, issa, telgħu t-tieni fil-klassifika, b’distakk ta’ ħames punti ma’ Liverpool u b’punt vantaġġ ( u logħba aktar) fuq it-tielet tim, Tottenham.
Everton marru minn fuq meta d-difensur ta’ Arsenal, Holding, xellef għal ġewwa it-tentattiv ta’ Dominic CALVERT-LEWIN wara 22 minuta. Arsenal kisbu parità minn penalty skurjat minn PEPE wara l-fawl ta’ Davies fuq Maitland-Niles fil-kaxxa.
Iżda l-aħħar kelma — qabel il-mistrieħ kienet ta’ Everton meta d-difensur Yerry MINA sammar il-ballun fix-xibka bir-ras ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima fuq azzjoni ta’ korner.
Manchester City irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Southampton 1-0 f’St Mary’s Stadium, biex b’hekk huma naqqsu d-distakk mat-‘Top Four’ – u fejn, issa, jinsabu punt biss taħt l-istess Saints.
Il-gowl deċiżiv wasal wara sittax-il minuta meta Raheem STERLING xeħet ġewwa fuq l-assist ta’ Kevin de Bruyne, bis-Citizens, minn dak il-ħin, ikomplu juru kwalità superjuri fid-diversi dipartimenti tal-grawnd.
Min-naħa tagħhom, Southampton – li daħlu għal din il-logħba t-tielet fil-klassifika – baqgħu jissieltu sal-aħħar iżda huma ħassew sew in-nuqqas tal-attakkant, Danny Ings, li weġġa u kellu joħroġ qabel il-mistrieħ.
Newcastle United u Fulham temmew fi draw ta’ 1-1. Awto-gowl ta’ MATT RITCHIE tefa’ lil Fulham fil-vantaġġ tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima. Fulham spiċċaw jilgħabu bi plejer anqas meta fit-63 minuta tkeċċa Joachim Andersen għat-tieni karta safra wara li ġibed il-flokk ta’ Wilson fil-kaxxa bir-referee jordna pelaty, bl-istess CALLUM WILSON minn ħdax –il metru ma żbaljax.
PREMIER LEAGUE
Illum: C. Palace v Liverpool 0-7, Southampton v Man City 0-1, Everton v Arsenal 2-1, Newcastle v Fulham 1-1 Ilbieraħ: Brighton v Sheff. Utd 1.00pm, Tottenham v Leicester 3.15pm, Man Utd v Leeds 5.30pm, WBA v Aston Villa 8.15pm It-Tnejn: Burnley v Wolves 6.30pm, Chelsea v West Ham 9.00pm