Coronavirus Saħħa

93 każ ġdid – ifiqu 97 mill-Covid-19

Il-pandemija tal-Coronavirus qed tkompli tħalli aktar vittmi hekk kif sa issa t-total ta’ mwiet tela’ għal dak ta’ 190, bl-aħħar sigħat ikunu kkarterizzati minn tliet imwiet.

L-aħħar vittmi huma raġel ta’ 69 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fl-1 ta’ Diċembru li miet fil-Good Samaritan Long-Term Care Facility u żewġ nisa ta’ 86 u 87 sena rispettivament, li mietu s-Sibt fl-Isptar Mater Dei. Sa issa f’din it-42 ġimgħa tal-imxija f’pajjiżna kellna 7 t’imwiet.

It-total ta’ każijiet ġodda ta’ Coronavirus fl-aħħar sigħat kien ta’ 93 filwaqt li fiequ mill-virus 97 persuna, b’hekk it-total ta’ dawk li fiequ hu dak ta’ 9,978. It-total ta’ każijiet minn Marzu ‘l hawn huwa dak ta’ 11,714 filwaqt li l-każijiet attivi huma 1,546.

Mill-każijiet li tħabbru s-Sibt, 13 kienu qraba ta’ każijiet diġà magħrufa, 3 każijiet li kellhom kuntatt fuq il-post tax-xogħol, tnejn li kellhom kuntatt dirett u 3 li waqt attività soċjali. Dan ifisser li 31 każ minn 52 mħabbra s-Sibt kienu kollha sporadiċi, jiġifieri ma jafux minn fejn ġabu l-virus.