Is-sorsi qrib il-Gvern ta’ Londra qalu li mgħandux jintlaħaq ftehim kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea għal wara Brexit dment li ma jkunx hemm ‘bidla sinifikanti fil-pożizzjoni ta’ Brussell’ fil-jiem li ġejjin.
Skont l- indikazzjonijiet, deċiżjoni dwar jekk jintlaħaqx il-ftehim jew jekk ikunx hemm sitwazzjoni ta’ ‘no-deal’ għandha tkun ikkonfermata qabel Jum il-Milied. Dan meta r-rappreżentanti tar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qed jinnegozjaw dwar numru ta’ aspetti ftit jew wisq ikkumplikati – fosthom iż-żmien ( ekwivelanti għal snin) li jkun hemm bżonn għall-introduzzjoni ta’ arranġamenti ġodda relatati mas-sajd.
Fl-istess ħin, is-sorsi qrib l-Unjoni Ewropea qalu li s-sajd mhux l-uniku issue jaħraq li tidher ‘il bogħod minn soluzzjoni. Huma spjegaw li t-taħditiet jinsabu staġnati ‘peress li r-Renju Unit għandu domandi oħrajn’ u għaliex ‘il-kwistjoni tal-kompetittività fil-kummerċ baqgħet mhix riżolta’.
L-Unjoni Ewropea hi determinata biex ir-regoli u l-kriterji kummerċjali, f’dan il-każ, ikunu suġġetti għal politika komuni li tevita li n-negozji u l-intrapriżi ta’ pajjiż partikulari jiksbu xi vantaġġ kompetittiv fuq l-intrapriżi ta’ pajjiżi oħra.
Iżda s-sorsi f’Londra qed jinsistu li r-Renju Unit għandu d-dritt li jikseb il-ftehim kummerċjali skont il-kundizzjonijiet li l-poplu Britanniku vvota għalih fir-referendum ta’ snin ilu dwar Brexit. L-istess kelliema qalu li ‘l-UE għadha ma kisbitx l-impenji meħtieġa għall-flessibbiltà mingħand l-Istati membri waqt li qed tinsisti b’domandi li mhumiex kompatibbli mal-indipendenza tar-Renju Unit’.
Għaldaqstant, ir-Renju Unit qed isostni li ma jistax jaċċetta ftehim li jiċħad id-dritt tal-Britanniċi li jirregolaw lilhom infushom u li jikkontrollaw huma l-liġijiiet applikabbli għall-ibħra tagħhom.
B’hekk hemm kull probabbiltà li r-Renju Unit itemm dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni għal wara Brexit mingħajr konklużjoni ta’ ftehim għall-kummerċ ħieles mal-UE. Sitwazzjoni bħal din tkun tfisser li mill-Ewwel ta’ Jannar li ġej, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għandhom jiddependu mir-regoli tal-World Trade Organization (WTO) fejn tidħol l-amministrazzjoni tal-esportazzjoni u l-importazzjoni.
Xenarju ta’ dan it-tip kapaċi jwassal għall-introduzzjoni ta’ tariffi għall-prodotti li qed jinbiegħu u jinxtraw – u li wkoll kapaċi jwasslu għal żidiet fil-prezz ta’ diversi prodotti.
//= $special ?>