Numru qed jiżdied ta’ pajjiżi fl-Ewropa waqqfu — jew qed jippjanaw biex iwaqqfu — l-ivvjaġġar mir-Renju Unit għal pajjiżhom. Dan bil-għan li huma jevitaw il-firxa ta’ varjant ġdid u aktar infettiv tal-Covid-19.
L-ewwel pajjiżi li ħadu azzjoni f’waqtha kienu l-Olanda u l-Belġju ( li waqqfu t-titjiriet mir-Renju Unit), bl-Italja, Franza u l-Ġermanja qed iħejju biex jagħmlu l-istess skont l-aħħar indikazzjonijiet.
Dan meta l-ferroviji mir-Renju Unit lejn il-Belġju waqfu wkoll u bl-Irlanda, issa, qed tnaqqas mit-titjiriet lejn Londra — flimkien mal-ferries lejn l-Ingilterra.
Il-Gvern tal-Olanda, issa, qal li s-sogru li l-varjant ġdid tal-Covid-19 ‘ikun impurtat fil-pajjiż’ għandu jitnaqqas bil-mezzi kollha possibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Belġjan, Alexander De Croo, qal li l-projbizzjoni għat-titjiriet mill-Ingilterra se tkun f’postha għal mill-anqas 24 siegħa bħala ‘prekawzjoni li bilfors trid tittieħed fiċ-ċirkustanzi’.
Il-Belġju, fl-istess ħin, hu lest biex jieħu l-miżuri addizzjonali f’każ ta’ bżonn u fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp inkwetanti relatat mal-pandemija.
//= $special ?>