Internazzjonali

Covid-19: Il-WHO f’kuntatti mill-qrib mar-Renju Unit dwar il-varjant ġdid tal-virus

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li tinsab ‘f’kuntatt mill-qrib’ mal-uffiċjali tar-Renju Unit biex issir taf kull dettall dwar l-element – jew varjant – ġdid tal-Covid-19 li żviluppa f’dak il-pajjiż xi jiem ilu.

Il-varjant ġdid jidher li qed jinfirex aktar malajr mill-versjoni oriġinali tal-coronavirus iżda ma jaħsbux li qed iħalli l-effetti aktar qattiela.

Intant, l-istess varjant (mutation) tal-virus tal-Covid-19 instab ukoll fl-Olanda , id-Danimarka u l-Awstrija. Fl-istess ħin, iżda, ma hemm l-ebda provi li jissuġġerixxu li l-varjant għandu xi reazzjoni differenti għall-vaċċini li kienu żviluppati għal kontra l-coronavirus.

Bħalissa, qed ikunu implimentati miżuri u restrizzjonijiet aktar stretti għal numru ta’ bliet u reġjuni lejn ix-xlokk tal-Ingilterra ( inkluża Londra) bil-għan li l-virus ikun ikkontrollat.

Sadanittant, l-Olanda – b’kaġun ta’ dan il-varjant — qed tipprojbixxi t-titjiriet għall-passiġġieri mir-Renju Unit sal-Ewwel ta’ Jannar. Dan wara li testijiet fuq il-kampjuni li ttieħdu fl-Olanda dan ix-xahar żvelaw l-istess varjant ġdid tal-coronavirus li nstab fir-Renju Unit.

Il-Gvern Olandiż għandu jaħdem mal-Istati l-oħra tal-Unjoni Ewropea biex flimkien jaraw l-aħjar miżuri biex huma jillimitaw is-sogru tal-firxa ta’ dan l-element ġdid tal-Covid-19 fil-bnadi rispettivi tal-Ewropa.Il-Belġju, fl-aħħar sigħat, ukoll waqqaf it-titirjiet mir-Renju Unit; bl-Italja, Franza u l-Ġermanja qed jikkunsidraw azzjoni simili fiċ-ċirkustanzi.

Il-kelliema għall-WHO, min-naħa tagħhom, qalu li r-Renju Unit qed jaqsam l-informazzjoni mill-istudji attwali dwar l-iżvilupp tal-virus. L-Organizzazzjoni f’dawn il-jiem għandha taġġorna lill-Istati-membri tagħha u lill-pubbliku ‘aktar ma jsiru magħrufa l-karatteristiċi tal-varjant u l-implikazzjonijiet tagħhom’.