“Is-soluzzjonijiet qegħdin f’idejna u aħna stess irridu nkunu parti mis-soluzzjoni” – Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-PN Bernard Grech waqt diskussjoni organizzata mill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista dwar it-traffiku u l-impatt tiegħu fuq l-ambjent. Bernard Grech qal li f’dan is-settur tant importanti għal pajjiżna u l-futur tiegħu, flimkien irridu niġbdu ħabel wieħed.
Ipparteċipat f’din id-diskussjoni d-Direttur tal-Istitut għat-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli, il-Professur Maria Attard li tkellmet dwar l-impatt li għandu t-traffiku fuq ħafna setturi oħrajn. Hi saħqet li qed jiġi kkalkulat li permezz tal-konġestjoni qed issir ħsara ta’ miljuni kbar fis-sena fuq l-infrastruttra ta’ madwarna. Tul l-intervent tagħha Profs. Attard saħqet li s-sors primarju ta’ emmisjonijiet fl-arja huwa t-trasport u dan qed jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. Dan kollu qed joħloq konsegwenzi fuq is-saħħa fejn filfatt kull sena f’Malta jmutu bejn 300 u 500 persuna għal raġunijiet relatati ma’ arja ħażina.
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, il-Professur Alex Torpiano, qal li pajjiżna għandu wkoll problema serja ta’ skart speċjalment meta qed jinħolqu numru ta’ parkeġġi taħt l-art. Saħaq li qed nonfqu ħafna flus f’soluzzjonijiet li mhu se jwasslu imkien fejn stqarr li t-twessiegħ tat-toroq mhux isolvi l-problema imma qed imexxi l-problema għal x’imkien ieħor. Hu saħaq li s-soluzzjoni għal dan tista’ tkun biss sistemi aħjar ta’ trasport pubbliku saħaq Profs Torpiano meta qal li dan hu l-unika mod kif verament nistgħu nkunu sostenibbli għas-snin li ġejjin.
L-Inġinier Rebekah Cilia qalet li biex il-problema tibda tissolva, trid tibda tinbidel il-mentalità. Dan meta tkellmet ukoll dwar kemm tista’ tgħin is-saħħa mentali jekk tissolva l-problema tat-traffiku għaliex dan huwa fattur li qed joħloq ħafna stress fost il-pubbliku.
Din id-diskussjoni tmexxiet mill-President tal-MZPN Joseph Grech.
//= $special ?>