Lokali

“Malta b’regolamenti ta’ żewġ sekli ilu”

“Għad għandna regolamenti ta’ żewġ sekli ilu. Ma nistgħux nibqgħu b’din it-telqa.”

Kien dan il-kliem iebes tal-President il-ġdid tal-Kamra tal-Periti, Andre Pizzuto meta waqt il-programm NETLIVE, ippreżentat minn Robert Cremona, stqarr li hemm bżonn ta’ standards cari ghall-bini. U qal li l-Gvern għandu jirrikonoxxi l-bżonn ta’ riformi fil-ligi.

Fid-dawl li pajjiżna ra għadd ta’ vittmi fl-aħħar xhur biss, Pizzuto qal li l-proposti m’għandhomx jibqgħu fuq il-karta.

Dan kif filfatt ġara fix-xhur li għaddew meta il-Gvern waqqaf kumitat biex jiġu diskussi kwistjonijiet u proposti biex ma jibqgħux isiru traġedji bħal dawn, liema dokument qatt ma ġie ppublikat.

“Sfortunatament, il-kontenut tar-rapport li għamel dan il-kumitat qatt ma ġie ppublikat. Xtaqna li narawh biex nagħtu il-feedback u l-input tagħna għax l-iskop tal-Kamra tal-Periti hu li tagħti pariri lill-Gvern jirriforma u jħaddem l-industrija bl-aħjar mod. Pero sfortunatament, dan ir-rapport qatt ma ġie ppublikat.”

Il-Perit Pizzuto qal li din il-problema mhux se tissolva b’sempliċiment liġi waħda iżda jrid ikun hemm serje ta’ azzjonijiet li jridu jiġu diskussi biex finalment jidħlu fis-seħħ. U huwa ghalhekk li l-Kamra tal-Periti qed taħdem biex Malta tilħaq il-livell għoli ta’ pajjiżi barranin.

“Perit Malti li jaħdem barra u fejn ippreżenta proġetti li saru f’Londra u Dubaj u jispjega il-proċess ta’ kif jaħdmu, is-serjetà li hemm u jaraw x’jiġri meta jsir l-iskavar, meta jitilgħu t-torrijiet. Aħna għadna lura ħafna. Kumparat ma’ pajjiżi oħra lanqas nibdew.”