Manchester United irriservaw l-aqwa wirja tal-istaġun għal kontra Leeds United fid-derby tal-Pennines li ntlagħbet f’Old Trafford u li spiċċat f’rebħa kbira – fil-fatt tennistika – għar-Red Devils. B’din ir-rebħa, 6-2, ir-Red Devils telgħu it-tielet fil-Premier League, fejn lagħbu logħba anqas mit-tieni tim, Leicester City.
Il-konfront ma’ Leeds kien anki trijonf personali għall-midfielder, Scott McTOMINAY li fetaħ vantaġġ doppju għal Man Utd fit-tieni u t-tielet minuta tal-konfront. B’hekk il-plejer Skoċċiż sar l-ewwel plajer li qatt skorja doppjetta fl-ewwel tliet minuti ta’ logħba tal-Premier Ingliż.
L-affarijiet komplew ġejjin għall-agħar għat-tim ta’ Marco Bielsa, bi Bruno FERNANDES (20) u LINDELOF (37) jagħmluhom 4-0, b’Liam COOPER inaqqas id-distakk għal Leeds sal-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima, Daniel JAMES (66) kompla jżid il-vantaġġ tar-Red Devils fuq ħarba veloċi u erba’ minuti wara, FERNANDES skorja penalty biex jgħaqqad in-nofs-tużżana. Kien fadal ħin għal gowl ieħor – l-isbaħ tal-logħba – meta Stuart DALLAS (73) venven ġmiel ta’ xutt fir-rokna tax-xibka għal forma ta’ konsolazzjoni.
Tottenham Hotspur, b’sorpriża, tilfu f’darhom, 0-2, ma’ Leicester City, bil-Foxes issa jaqbżu t-tieni fil-klassifika tal-Premier League – fejn jinsabu erba’ punti taħt il-liders, Liverpool.
Minkejja li Spurs kienu l-aħjar tim fl-ewwel taqsima kienu fil-fatt il-Foxes li daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ wara li Jamie VARDY ikkonverta penalty fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud u li ngħata għall-fawl fil-kaxxa ta’ Aurier fuq Fofana.
Fil-bidu tat-tieni taqsima, Maddison, il-midfielder ta’ Leicester, kellu gowl imħassar minħabba offside ( fuq analiżi tal-VAR) iżda l-mument deċiżiv tal-logħba wasal fid-59 minuta meta l-header ta’ VARDY, fuq il-kross ta’ Albrighton, ixxellef mad-difensur, Alderweireld, għall-gowl li għalaq kull diskors.
Intant, Spurs kienu frustrati diversi drabi mid-difiża kompatta tal-Foxes u fl-aħħarnett huma kellhom ibaxxu rashom għal disfatta li ma kenitx mistennija.
Sheffield United għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa fil-league tal-istaġun u fejn kellhom jikkuntentaw bi dro, 1-1, ma’ Brighton and Hove Albion fl-Amex Stadium.
L-ewwel taqsima kienet kumbattuta iżda ħames mill-minuti mill-mistrieħ il-Blades spiċċaw b’għaxra wara li John Lundstram intwera ħamra diretta ( wara konsultazzjoni mal-VAR) għal daħla kerha fuq Joel Veltman.
It-tieni 45 minuta produċew aktar azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti, b’Sheffield United jiskurjaw kontra x-xejra tal-logħob — u minkejja l-iżvantaġġ numeriku – minn Jayden BOGLE. Madankollu, Brighton baqgħu jemmnu u tliet minuti mit-tmiem Danny WELBECK spara ġewwa mill-viċin għall-1-1.
Brighton anki waslu qrib ir-rebħa fl-aħħar sekondi tal-logħba b’Welbeck ikollu daqqa ta’ ras maqlugħa minn fuq il-linja u b’Alireza Jahanbakhsh jara d-daqqa ta’ ras tiegħu tistampa mal-mimduda.
//= $special ?>