Futbol Sport

Milan żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika, Inter jibqgħu punt taħthom

(Ritratt: EPA)

Milan kisbu rebħa importanti biex żammew posthom fil-quċċata tal-klassifika, wara rebħa ta’ 2-1 kontra Sassuolo. Milan fetħu l-iskor wara sitt sekondi biss minn gowl ta’ RAFAEL LEAO wara li rċieva tajjeb mingħand Hakan Calhanoglu. Dan sar l-iktar gowl skorjat malajr fl-istorja tal-kampjonat Taljan,wara li r-rekord preċedenti kien miżmum minn Poggi fl-2001 f’8.1 sekonda. Milan kellhom gowl imħassar fit-12-il minuta, iżda rkupraw kwarta wara Ii ALEXIS SAELEMAEKERS ikkonkluda minn pożizzjoni ideali minn azzjoni ta’ Theo Hernandez. Sassuolo daħlu lura fil-logħba fid-89 minuta minn free kick ta’ DOMENICO BERARDI li kien devjat minn Jens-Peter Hauge, iżda ma kienx biżżejjed biex jiksbu d-draw.

Inter ukoll kisbu tliet punti meħtieġa wara li għelbu lil Spezia 2-1, biex b’hekk baqgħu jsegwu lil leaders b’punt warajhom. Inter marru tnejn minn fuq fil-51 u fil-71 minuta permezz ta’ gowls ta’ ACHRAF HAKIMI u penalty ta’ ROMELU LUKAKU. ROBERTO PICCOLI naqqas id-distakk għal Spezia fl-94 minuta.

Torino kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Bologna, fejn gowl ta’ SIMONE VERDI fid-69 minuta għal Torino kien kkanċellat minn ROBERTO SORIANO għaxar minuti wara.

Benevento komplew jimpressjonaw fir-ritorn tagħhom fis-Serie A wara rebħa ta’ 2-0 kontra Genoa, b’gowls skorjati minn ROBERTO INSIGNE u penalty lejn it-tmiem ta’ MARCO SAU.

Il-partita bejn Cagliari u Udinese ntemmet fi draw ta’ 1-1 b’gowl f’kull taqsima, LYKOGIANNIS fetaħ l-iskor fis-27 minuta, filwaqt li KEVIN LASAGNA skorja għal Udinese.