Lokali

Rapporti jindikaw li Rosianne Cutajar kienet għamlitha ta’ sensara għal Yorgen Fenech

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u persuna qrib tagħha allegatament irċevew madwar €100,000 bħala sensara fil-bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina. Din il-propjetà kienet se tinxtara għal madwar €3.1 miljun minn Yorgen Fenech – sid il-kumpanija 17Black u l-allegat kompliċi fl-assasinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan il-ftehim biex Fenech jixtri d-dar waqa’ u d-Deputat Laburista Rosianne Cutajar qed tiġi persegwita biex tħallas lura madwar €50,000 li hi tħallset fi flus kontanti. Il-bejjiegħ qed jgħid li Cutajar ma tgħatx dawn il-flus lura. Jidher li t-transazzjoni tal-proprjetà saret ma’ kumpanija fiduċjarja bl-isem ta’ Green Eyes Limited immexxija minn Pierre Lofaro.

Il-konvenju tal-propjetà li hija ta’ Joe Camilleri sar f’Mejju 2019. Rapporti qed jindikaw li Yorgen Fenech kien diġà żar il-proprjetà flimkien ma’ Rosianne Cutajar, u l-ħabib tagħha Charlie Farrugia magħruf bħala ‘it-Tikka’. Dan tal-aħħar sar l-assistent tas-Segretarju Parlamentari wara li hi nħatret fil-Kabinett fil-bidu tas-sena 2020.

Jidher li wara li raw il-propjetà fi Triq is-Salvatur, Cutajar u Farrugia talbu għalihom infushom ħlas ta’ €50,000 kull wieħed. Id-Deputat Laburista ma ċaħditx l-involviment fil-bejgħ tal-propjetà, iżda sensiela ta’ mistoqsijiet mibgħuta lilha mill-MaltaToday tħallew mingħajr risposta.