F’kollegemant telefoniku fuq Net FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita Bernard Grech ta l-ewwel reazzjoni tiegħu dwar l-aħħar aħbar xokkanti li ħarġet fil-konfront ta’ membru tal-Gvern Laburista. Dan meta fl-aħħar sigħat rapporti indikaw li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kienet għamlitha ta’ sensara għal Yorgen Fenech, is-sid ta’ 17 Black.
Bernard Grech saħaq li din l-istorja għadha mhux miċħudha minn Rosianne Cutajar pero saħaq li l-kwistjoni tibqa’ l-impunità tal-Gvern Labursita li l-membri tiegħu “jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu u jidħlu f’negozju u relazzjonijiet mill-qrib ma’ persuni li huma implikati f’alegazzjonijiet serji.” – Dan meta fi żmien meta saru dawn it-trattati dwar ir-residenza inkwistjoni, diġa konna nafu li Yorgen Fenech hu sid il-kumpanija 17 Black.
Il-Kap tal-PN stqarr li l-PM ma jistax jibqa’ ċass quddiem dan kollu u għandu jibgħat għal Rosianne Cutajar, jara l-pożizzjoni tagħha u jitlobha terfa’ responsabiltà politka. Hu staqsa li “jekk ma jieħux passi, x’qed iżommu, għalfejn daqshekk idejh marbutin u ma jistax jieħu azzjoni Robert Abela?” Bernard Grech saħaq li “illum nafu li fil-Partit Laburista hemm persuni li jafu ħafna fuq xulxin u wieħed jibża’ jieħu azzjoni fil-konfront tal-ieħor. “Dawn maqgħudin biex jaħbu lil xulxin.”
Tul l-intervent tiegħu fuq Net FM, Bernard Grech tkellem ukoll dwar intervista tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li dehret fuq gazzetta lokali. Hawnhekk il-Ministru ammetta li kien żball li pajjiżna importa eluf ta’ barranin biex jaħdmu f’pajjiżna b’dak li jissejjaħ ‘cheap labour’. Dan kien proġett li fuq quddiem nett tiegħu kien filfatt Clyde Caruana meta dak iż-żmien kellu kariga għolja fil-Jobs Plus. Illum il-Ministru tal-Finanzi qed jaqbel mal-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
Bernard Grech saħaq li “mhux importanti li kellna raġun. Nieħu pjaċir li l-Ministru tal-Finanzi qed jaqbel magħna imma jibqa’ l-fatt li l-mentalità tal-Labour fil-Gvern tibqa’ l-istess li jrid l-aqwa minn żewġ dinji differenti.”
Il-Kap tal-PN saħaq li l-PL importa numru kbir ta’ ħaddiema, fakkar kif Clyde Caruana kien il-persuna li mexxa l-pjan biex pajjiżna jimporta l-eluf ta’ ħaddiema u issa qed jirrealizza xi ħsara għamel. Hu stqarr li issa qed jgħid li rridu nħarrsu lejn aktar impjiegi ta’ kwalità.
Bernard Grech appella biex “ma nħarssux lura imma ‘l quddiem, ejjew naħdmu biex inbidddlu isem Malta għax dan hu importanti ghal kull settur fis-soċjetà tagħna.” Hu saħaq li fl-istess ħin għandna naħdmu flimkien biex ikollna niċċeċ ġodda. Hawnhekk il-Kap tal-PN fakkar kif f’seba’ snin il-Gvern ma sab ebda niċċeċ ġodda biex anke joffri futur lit-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u l-Għawdxin. Hu appella lill-Gvern biex ibaxxi rasu għall-opinjonijiet tajbin tal-Oppozizzjoni għaliex dawn qed isiru għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fi tmiem l-intervent tiegħu Bernard Grech saħaq li jixtieq li fil-politka kulħadd iħaddan id-differenzi tiegħu pero “nifmhu li għandna niċċellebraw id-differenzi tagħna għax ituna l-opportunità li flimkien inħaddmu d-demokrazija.” Filwaqt li ta l-awrguri tiegħi għal dan iż-żmien tla-Milied, il-Kap tal-PN temm jgħid “minkejja d-differenzi, ejja ma nattakkawx il-persuni imma dak biss li ma naqblux miegħu u ningħaqdu fi zmien il-Milied.”
//= $special ?>