Wieġbu mhux ħatja ż-żewġ akkużati li fl-aħħar sigħat kienu arrestati mill-pulizija f’Raħal Ġdid b’rabta ma sejba ta’ kważi €800,000 fi droga, karozzi, deheb u flus kontanti – il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Dean Martin ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun u Melvin Debono ta’ 29 sena minn Raħal Ġdid, dehru l-Qorti quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li kienu arrestati is-Sibt wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga.
Huma kienu akkużati b’pussess ta’ droga kokaina, eroina u kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħhom. Debono ġie mixli b’sitt akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li huwa riċediv. It-tnejn affaċċjaw ukoll akkużi li ma ħarsux kundizzjonijiet ta’ sentenzi imposti fuqhom mill-Qorti fil-passat.
Iż-żewġ irġiel tressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa b’mod separat. Dean Martin qal li ma jaħdimx filwaqt li Melvin Debono qal li hu dealer tal-karozzi. Fil-Qorti saret talba għal sekwestru fuq il-propjetà taż-żewġt irġiel… talba li intlaqgħet mill-Qorti.
Il-każ seħħ matul il-jum tas-Sibt meta l-pulizija interċettaw vettura li kienet qed tinstaq mill-Ħamruniż u li bħala passiġġier fiha kien hemm iż-żagħżugħ minn Raħal Ġdid.
Fi tfittxija fil-vettura u fuq il-persuni tagħhom instabu madwar 2kg droga kokaina, ċwievet ta’ karozzi, kif ukoll aktar minn €8,500 fi flus kontanti.
Il-ħidma kompliet f’residenza fi Triq Melita u f’garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska, f’Raħal Ġdid stess, li huma propjetà taż-żagħżugħ. Fir-residenza nstabet id-droga ħaxixa u anke kokaina, flimkien ma’ €100,000 f’deheb u ġojjellerija oħra, kif ukoll madwar €78,000 fi flus kontanti.
Sadanittant, fil-garaxx, il-Pulizija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63, li l-valur tagħhom ilaħħaq l-ammont ta’ madwar €250,000.
Dan filwaqt li saret ukoll tfittxija oħra f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa, fil-Marsa, propjetà tar-raġel ta’ 40 sena. Hemm instabu madwar 3.5kg droga kokaina, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga kollha nbiegħet kien ilaħħaq madwar €350,000.
B’rabta ma dan il-każ infetħet inkjesta fl-aħħar sigħat u għalhekk għadha qed tinġabar l-evidenza u hemm xhieda pajżana li fadlilhom jixhdu hekk kif il-kumpilazzjoni mistennija tkompli fil-jiem li ġejjin. Id-difiża tmexxiet Marion Camilleri, Franco Debono u Roberta Bonello.