Lokali

Abela jikkonferma li mhux se jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar

Robert Abela u l-Kabinett tiegħu jidhru li se jkomplu jiddefendu lil Rosianne Cutajar, tant li l-Prim Ministru għażel li jattakka lill-media li żvelat il-każ minflok ma jieħu passi fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari.

Mistoqsi mit-Times of Malta fuq it-taraġ ta’ Kastilja, Abela interpreta l-ħidma tal-ġurnalist tal-gazzetta bħala mod kif – skont hu – jipprova jimmina l-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan meta kien hu u l-Gvern tiegħu li tefgħu dubji dwar it-terminu ta’ żmien tal-istess Inkjesta.

Fl-istess waqt, mistoqsi jekk fil-prinċipju, jaċċettax li membru tal-Kabinett jirċievi ħlasijiet bħal dawn, il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lil Rosianne Cutajar billi qal li hi ċaħdet, kif ukoll li l-flus ma ngħatawx mingħand Yorgen Fenech, iżda mingħand il-bejjiegħ.

Jidher li d-difiża ta’ Abela għal Cutajar – li qed jirreċiprokalha l-appoġġ li tagħtu fil-ġlieda għal-Leadership f’Jannar li għadda – issa ġie impost fuq il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kollha.

Tant hu hekk li l-futur politiku ta’ Rosianne Cutajar mhux meqjus ta’ importanza biex ikun diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-Kabinett. Dan wara l-konferma wkoll mill-Ministru Michael Farrugia, meta mistoqsi minn NET News dwar jekk il-possibbiltà ta’ riżenja ta’ Cutajar hux se tkun diskussa.

Dan kollu qed iseħħ wara li l-Ħadd ġie żvelat li Rosianne Cutajar u persuna qrib tagħha allegatament irċievew madwar €100,000 bħala senserija f’deal biex tinbigħ propjetà fl-Imdina … deal li fih kien involut in-negozjant Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u l-akkużat bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa tagħha, Rosianne Cutajar qed tiġġieled b’mod legali t-talba għal refund li qed issir mill-bejjiegħ ta’ din il-proprjetà.

Mistoqsi jekk il-Kabinett jarax dawn l-iżviluppi bħala serji, il-Ministru Farrugia staħba wara l-istituzzjonijiet. Dan filwaqt li kkonferma li hu personalment m’għandux pożizzjoni ċara dwar dak żvelat, ħlief li ma jeskludix li r-rapport seta’ kien finta.

Il-propjetà fl-Imdina, li minnha Rosianne Cutajar allegatament ħadet €50,000 fi flus kontanti f’senserija, kienet se tinxtara minn Yorgen Fenech għal aktar minn €3 miljun. Iżda wara li l-ftehim waqa’, il-bejjiegħ qed jakkuża lis-Segretarju Parlamentari li ma tagħtux il-flus lura.