Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Il-vittmi jitilgħu għal 194

88 każ ġdid - ifiqu 137

Il-firxa tal-pandemija fi xtutna qed tkompli tħalli aktar vittmi.

Dan hekk kif tul ix-xahar ta’ Diċembru s’issa tilfu ħajjithom 57 persuna kawża tal-Covid-19, 8 aktar meta ċ-ċifri ġew mqabbla max-xahar preċedenti, xahar rekord fejn jidħlu mwiet marbuta mal-pandemija f’pajjiżna, li ħalla warajh 75 vittma.

Dan kollu wara li l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 4 persuni oħra.

Dan filwaqt li tħabbar ukoll li bejn il-Ħadd u t-Tnejn ġie rreġistrat 88 każ ġdid, sabiex b’hekk il-każi totali minn Marzu ‘l hawn jammontaw għal 11,802.

Fl-aħħar 24 siegħa fiequ 137 u għaldaqstant, l-ammont totali ta’ persuni mfejqa mill-Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 10,115.

Dan ifisser li meta jiġi kkalkolat kemm fiequ persuni flimkien mal-vittmi, il-każi attivi jammontaw għal 1,493.

Intant, mit-93 każ ġdid imħabbar tul il-jum tal-Ħadd; 16-il każ kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 12-il każ minn fuq il-post tax-xogħol, 6 każi kuntatt dirett ma’ każi pożittivi oħra, u 4 każi minn attivitajiet soċjali.

Dan ifisser li 55 persuna ma jafux minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus tal-Covid-19.