Il-Gvern Taljan issospenda t-titjiriet lejn ir-Renju Unit u lura wara li, fl-Italja, instabu l-ewwel persuni infettati bil-varjant ġdid tal-Covid-19 li feġġ ftit tal-jiem ilu fl-ibliet Britanniċi.
Mhux eskluż li l-varjant ġdid kapaċi għandu sa ’70 fil-mija aktar ċans’ li jinfetta lin-nies mill-varjant ta’ qabel – iżda t-tobba u r-riċerkaturi qalu li xejn ma jindika li l-varjant ġdid ma jistax ikun trattat bil-vaċċini l-ġodda li se jkunu disponibbli għalina fil-jiem li ġejjin.
Lanqas ma jidher – skont l-esperti – li l-virus ġdid jista’ ikun ‘aktar aggressiv mill-virus (tal-Covid-19) familjari’.
Intant, mara Taljana li s-sieħeb tagħha siefer ftit ilu lejn ir-Renju Unit għax-xogħol ittestjat pożittiv għall-varjant ġdid tal-coronavirus. Is-sieħeb tal-mara – ta’ oriġini Britannika – ukoll ittestja pożittiv għall-virus iżda ma kienx stabbilit jekk hu maradx ukoll bil-varjant ġdid.
Ir-raġel u l-mara, bħalissa, qed jinżammu fi stat ta’ iżolament fid-dar tagħhom f’Ruma. Il-qraba li kellhom il-kuntatti mal-koppja wkoll jinsabu fi kwarantina avolja l-mara u r-raġel infettati ma kenux qegħdin juru sintomi.
Il-Ministru tas-Saħħa Taljan, Roberto Speranza, iffirma digriet biex jieqfu t-titjiriet mir-Renju Unit u issa, fl-Italja, ma jista’ jidħol ħadd li għamel żmien fir-Renju Unit tul dawn l-aħħar ġimgħatejn. Dan meta t-Taljani kollha li, fl-aħħar jiem, siefru lejn ir-Renju Unit, qed ikunu suġġetti għat-testijiet mandatorji.
Fi żviluppi oħra, La Repubblica irrappurtat każ ieħor suspettat tal-varjant ġdid tal-Covid-19 fil-belt ta’ Bari, lejn in-nofsinar tal-Italja. Il-każ jirrigwarda mara ta’ 25 sena li rritornat l-Italja f’nofs il-ġimgħa l-oħra permezz ta’ titjira li kienet ‘fully booked’ u li wara testjat pożittiv għall-coronavirus. L-awtoritajiet, intant, kienu għaddejjin b’analiżi addizzjonali biex jaċċertaw jekk il-mara għandhiex tassew is-‘strain’ ġdid tal-Covid-19.
//= $special ?>