Issa uffiċjali, fi tmiem din il-ġimgħa ser tasal f’pajjiżna l-ewwel kunsinna tal-vaċċin kontra l-Covid-19 ta’ Pfizer/BioNTech.
Dan wara li l-Awtorità Ewropea tal-Mediċini approvat l-vaċċin ta’ Pfizerwara li l-esperti tal-EMA approvaw it-tilqima biex b’hekk is-27 pajjiż, inkluż Malta, ser ikunu jistgħu jibdew ilaqqmu liċ-ċittadini tagħhom minn din il-ġimgħa stess.
L-ewwel 10,000 vaċċin mistenni jasal fil-Gżejjer Maltin nhar is-Sibt li ġej sabiex sussegwentament, l-għada, l-Ħadd 27 ta’ Diċembru, fid-disgħa ta’ filgħodu ser tingħata l-ewwel tilqima lil ċittadin Malti – infermier fit-taqsima tal-mard infettiv fi ħdan l-Isptar Mater Dei. Fl-istess jum ser ikun qed jitqassam qalb il-frontliners fl-ITU, u s-swali tal-istess sptar li qed jagħtu kura lill-pazjenti pożittivi.
Sussegwentament, fit-28 ta’ Diċembru jingħata l-vaċċin lill-istaff tal-kura primarja u ċentri tal-iswabbing u l-għada, 29 ta’ Diċembru, it-tilqima tasal Għawdex, fl-Isptar Ġenerali.
Intant, fit-30 ta’ Diċembru – il-vaċċin jitqassam qalb l-istaff tal-Isptar Monte Karmeli, Sptar Boffa, Sptar St.Thomas u l-Good Samartian Hospital.
Is-sena 2021 ser tibda bit-tilqima li tingħata lill-istaff u pazjenti fir-Residenza San Vinċenz De Paule bejn l-1 u s-6 ta’ Jannar.
Kull nhar ta’ Tnejn mistennija tibda tidħol fil-pajjiż kunsinna kull darba hekk kif Malta mistennija jkollha man-nofs miljun tilqima mingħand Pfizer.
Dan kollu filwaqt li mill-ewwel ta’ Jannar ser ikunu qed jitqassmu l-ittri lill-kliniċi privati filwaqt li mis-7 ta’ Jannar ser ikunu qed jirċievu l-istedina tal-appuntament għat-teħid tal-vaċċin lill-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 85 sena.
Huwa ferm importanti li meta persuna tmur titlaqqam għandha bżonn tieħu l-ittra li tirċievi d-dar flimkien mal-karta tal-identità.
Ta’ min wieħed jinnota li l-vaċċin ser ikun qed jingħata fuq żewġ dożi b’21 jum bejniethom.
Waqt konferenza tal-Aħbarijiet, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci insistiet li huwa importanti li kulħadd jieħu l-vaċċin minkejja li dan mhux wieħed obbligatorju. Hija preċiżat tgħid li dawk li huma allerġiċi għal xi ikel jew mediċina bħal peniceline jistgħu jieħdu l-vaċċin, għajr dawk li xi darba kellhom jidħlu l-isptar għal kura b’xi allerġija qawwija ħafna. Madanakollu saħqet fost oħrajn li tfal ma jistgħux jiħdu t-tilqima kif ukoll nisa li qed jistennew tarbija.
Dan hekk kif tfal taħt is-sittax-il sena ma jistgħux jieħdu l-vaċċin, nisa li qed jistennew tarbija jew dawk li qed jagħtu breastfeeding ma jistgħux jiħduha, u min jieħu l-vaċċin huma mħeġġa jevitaw li jinqabdu tqal għax-xahrejn ta’ wara.
It-tilqima ser tkun qed titqassam għaċ-ċittadini fiċ-Ċentri tas-Saħħa kif ukoll f’numru ta’ każi anke fi djar privati. B’rabta mat-teħid tat-tilqima ser ikun qed jiġi mwaqqaf il-helpline 145.
Intant, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna li s’issa m’hawnx sinjal f’pajjiżna tal-varjant tal-Covid-19 li feġġ fir-Renju Unit madanakollu kkonferma li l-indikazzjonijiet kollha qed juru li dan jittieħed aktar minn norma.
Mistoqsi minn Net News sabiex jispjega x’inhi r-raġuni li l-imwiet kawża tal-virus tul ix-xahar ta’ Diċembru qed jiżdiedu meta mqabbel max-xahar ta’ Novembru, minkejja li l-każi qed jonqsu, Chris Fearne wieġeb li dan huwa kawża taż-żieda fil-każi li Malta rat bejn ħames u sitt ġimgħat ilu.
Dikjarazzjoni skoretta u mċaħħada mill-Ministeru tas-Saħħa stess hekk kif 11-il vittma minn dawk li tilfu ħajjithom fl-aħħar 3 ijiem, ġie spjegat mill-Gvern li ttestjaw pożittivi dan ix-xahar stess, inqas minn 3 ġimgħat, bl-aktar wieħed riċenti jkun xejn inqas minn erbat’ijiem ilu.
//= $special ?>