Il-Pulizija mill-Arsons Unit, fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa wara li matul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn inħarqu xejn inqas minn 18-il vettura tal-kiri f’parkeġġ fil-Gudja.
Il-każ seħħ fi Triq Dawret il-Gudja, għall-ħabta ta’ 2345hrs, fejn fil-post ġew msejħa uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fejn sabu diversi karozzi f’ħuġġieġa waħda ta’ nar.

Filwaqt li l-operazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili damet għaddejja sat-tlieta tat-Tnejn filgħodu, fortunatament ħadd ma ndarab f’dan il-każ.
Intant, il-Maġistrat tal-Għassa, Caroline Farrugia Frendo, ġiet informata bil-każ u ħatret inkjesta fejn qed tiġi assistita minn numru ta’ esperti.
Il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun qed jgħinu fl-investigazzjonijiet. Kull min għandu xi informazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ għandu jinforma lill-Pulizija minnufih.
