Raġel estremista tal-lemin weħel il-ħabs għal għomru fil-Ġermanja wara li nstab ħati dwar l-attakk qattiel tas-sena l-oħra fuq is-sinagoga fil-belt ta’ Halle.
L-attakk kien seħħ fid-9 ta’ Ottubru tal-2019 meta Stephan Balliet, qatel mara li kienet għaddejja viċin tiegħu flimkien ma’ raġel li kien qiegħed f’ħanut tal-kebabs.
Il-qtil seħħ wara li l-aggressur ma rnexxilux jidħol bil-forza fis-sinagoga meta hu kellu l-ħsieb li jiftaħ in-nar fuq l-għexieren ta’ devoti Lhud fuq ġewwa li kienu qed ifakkru l-festa Lhudija ta’ Yom Kippur.
Li kieku dan seħħ, il-Ġermanja setgħet għaddiet mill-akbar atroċità anti-Semitika mill-era tan-Nażisti.
Intant, l-estremista – li jinsisti li ma jemminx bl-Olokawst – ma esprima qatt rimors għall-attakk fuq is-sinagoga jew għad-dmija li wettaq dakinar.
//= $special ?>