Lokali Qorti

Ħu Daniel Muka mixli b’serqa minn ħanut tad-deheb f’Tas-Sliema jingħata l-ħelsien mill-arrest

Bagtesh Muka, li jiġi ħu Daniel Muka ta’ nazzjonalità Albaniża li jinsab mixli bil-qtil doppju f’Tas-Sliema, f’Awwissu li għadda u li t-tnejn jinsabu wkoll mixlijin b’serqa minn ħanut tal-ġojjellerija f’Tigne ingħata l-libertà proviżorja wara kważi sentejn arrestat.

L-akkużat kien ilu arrestat mid-29 ta’ Jannar tal-2019 bil-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima tisma’ li mara ta’ 60 sena li kienet lesta li tilqgħu f’darha fil-Kottonera.

Huwa jrid jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darbtejn kuljum filgħodu u filgħaxija u li jirira d-dar fid-9.00pm u ma joħroġx qabel is-7.00am. Bagtesh Muka, ilu arrestat minn Jannar tal-2019 u flimkien ma’ ħuh Daniel jinsab mixli li fil-5 ta’ Ottubru 2017, kienu daħlu fil-ħanut ta’ Diamonds Internationals lebsin parrokki u nuċċalijiet tax-xemx.

Huma allegatament kien armati b’arma tan-nar u mazza, u serqu eluf ta’ ewro f’ġojjellerija mill-ħanut li jinsab f’Tas-Sliema, li nċidentalment jinsab tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn inqatlet il-koppja, Dr. Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

L-aħwa kienu waslu bil-ġiri fil-pjazza ta’ Tigne u sparaw tiri ta’ arma tan-nar lejn il-vettrini tal-ħanut. Minn din is-serqa nsterqu numru ta’ ġojjelli li jlaħħqu l-valur ta’ €330,000.

Żewg impjegati li kienu fil-ħanut waqt is-serqa ma kienu ġarrbu ebda ġrieħi iżda sofrew minn xokk qawwi. Allegatament meta ħarġu mill-ħanut, l-aħwa Muka kienu sabu raġel ma’ wiċċhom li prova jwaqqafhom iżda dawn aggredewh b’oġġett iebes u ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ karozza.

Ġimgħa wara fit-12 ta’ Ottubru 2017, waqt ronda li kienet qed issir minn żewġ pulizija tar-Rapid Intervention Unit, il-pulizija ħasbu ħażin dwar żewġt irġiel suspettużi fi Triq il-Bajja f’San Ġiljan.

Allegatament kif kienu se jiġu arrestati, Daniel Muka ħareġ arma tan-nar u ppuntaha lejn iż-żewġ Pulizija, filwaqt li pprova jagħfas il-grillu bosta drabi. Fortunatament ma ġew sparati ebda tiri minħabba li l-grillu ma bedhiex jiffunzjona. Allegatament, fil-pussess tiegħu kienet nstabet ukoll id-droga.

Daniel Muka, kien tressaq il-Qorti akkużat b’rabta ma serqa ta’ ġojjellerija minn Tignè u akkużat li prova joqtol uffiċjali tal-pulizija. Daniel Muka kien ingħata l-ħelsien mill-arrest u reġa’ spiċċa l-ħabs wara l-qtil doppju.

Bagtesh Muka kien ilu sena jiġi mfittex mill-pulizija, b’rabta mas-serqa tal-ġojjellerija u fit-18 ta’ Novembru 2018 li Bagtesh kien ġie arrestat f’Ħal Safi wara li pprova jaqbeż f’żona ristretta tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Bagtesh, li kien taħt l-effett ta’ sustanza lleċità ma rnexxilux jaqbeż fiż-żona tal-Ajruport Internazzjonali għaliex kif lemaħ lis-suldati, ħarab jiġri u qabeż għall-Barracks militari faċċata tal-Medavia.

Bagtesh kien ħareġ arma tan-nar u ppunta lejn uffiċjal tad-Detenzjoni fejn minnufih ġie miżmum mis-Suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu fiż-żona.

Bagtesh kien tressaq il-Qorti fuq żewġ reati u ġie mixli li hedded uffiċjal pubbliku, li daħal bla permess fil-barracks ta’ Ħal Safi u li fil-pussess tiegħu kellu droga kokaina.

Dan apparti li ġie akkużat li flimkien ma’ ħuh għamel hold-up f’ħanut tal-ġojjellerija. Bagtesh Muka anki xellef difru mal-ġustizzja f’pajjiżu fejn kien injora ordnijiet tal-pulizija u baqa’ dieħel f’ħajt wara li beda jsuq b’mod perikoluż. Fil-karozza kienet instabet arma tan-nar. Għal Bagtesh Muka qed jidhru l-Avukati Noel Bianco u George Anton Buttigieg.